Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna:  Il-Kap tal-Wagner jinsisti li ntlaħqu l-miri…bis-sitwazzjoni qed turi mod ieħor

Il-Kap tal-Grupp Wagner magħmul minn paramilitari merċenarji leali għar-Russja, kompla jinsisti li l-Kremlin irnexxielu jikseb ir-riżultati li xtaq waqt l-invażjoni tal-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

Fl-istess ħin, Yevgeny Prigozhin – li ilu żmien alleat tal-President Russu Vladimir Putin – tenna li wasal iż-żmien biex ‘tikkonkludi’ il-gwerra fl-Ukrajna fost il-ftaħir li l-qawwiet tiegħu u t-truppi tal-Armata Russa, flimkien, ‘irnexxielhom jeqirdu l-parti kbira tal-popolazzjoni tal-irġiel fl-Ukrajna minbarra li intimidaw lill-poplu Ukren kollu’.

Qed jingħad li Prigozhin għandu ambizzjonijiet kbar li jilħaq hu fit-tmexxija tar-Russja u meta żdiedu l-indikazzjonijiet ta’ tensjoni akuta bejnu u l-President Putin.

Il-Grupp Wagner ilu mis-sajf imexxi lill-qawwiet Russi fil-battalja għall-kontroll ta’ Bakhmut, fil-lvant tal-Ukrajna, u fejn seħħ l-aktar ġlied imedemmi fiż-żmien kollu li ilha għaddejja l-gwerra.

Sadanittant, Prigozhin, fl-aħħar kummenti, ma semma xejn dwar ir-rebħiet militari tal-Ukreni fuq ir-Russi jew dwar it-telf ta’ ħajja terribbli fost il-paramilitari tiegħu f’Bakhmut.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu, fi tmiem il-ġimgħa, qal li l-merċenarji tal-Wagner irnexxielhom jaħtfu l-kontroll f’żewġ zoni ta’ Bakhmut iżda l-kelliema għall-Armata Ukrena ċaħdu li s-suldati tagħhom jistgħu huma qrib li jċedu.

U filwaqt li Bakhmut mgħandu l-ebda importanza partikulari minn aspett strateġiku, il-militar Ukren jidher determinat li jkompli jirreżisti għall-offensiva fuq il-belt bil-ħsieb li jnaqqas mill-kapaċitajiet miltari tal-għadu anki waqt li ‘ikisser il-moral’ tat-truppi tal-Kremlin.