L-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija, fl-aħħar sigħat, iltaqgħu b’urġenza biex jindirizzaw il-konflitt ċivili li żbruffat fis-Sudan fi tmiem il-ġimgħa….Konflitt li qed jirrifletti tabqida qalila għall-poter bejn l-Armata Sudaniża u qawwa ta’ paramilitari u li ħalla ammont sinifikanti ta’ mejtin u midruba f’Khartoum u bnadi oħra tas-Sudan.
L-aħħar rapporti qalu li talanqas 50 ċivili tilfu ħajjithom fil-ġlied waqt li r-residenti f’Khartoum għamlu li setgħu biex ma jispiċċawx fl-eqqel tal-battalji kontinwi bejn it-truppi tal-Gvern u l-paramilitari li damu s-sigħat jiġġieldu għall-kontroll tal-palazz presidenzjali, il-kumpless tat-televiżjoni tal-Istat u l-kwartieri-ġenerali tal-Armata.
Il-battalji żbruffaw mit-tensjoni akuta li ilha tbaqbaq għal żmien fir-rigward ta’ bidla proposta għat-tmexxija tal-pajjiż minn Amministrazzjoni ċivili. Dan ukoll meta l-gruppi Sudaniżi u l-Ġunta militari li qed tmexxi lis-Sudan fallew, jiem ilu, milli jilħqu ftehim dwar it-trasferiment tal-poter.
Sadanittant, l-Armata Sudaniża u l-avversarji paramilitari tal-grupp Rapid Support Forces (RSF) qed jinsistu li ħatfu l-kontroll tal-ajruport u ta’ siti importanti oħra f’Khartoum anki waqt li l-ġlied qed ikompli fl-inħawi.
Ir-rapporti konfliġġenti miż-żewġ naħat ma setgħux ikunu verifikati mis-sorsi indipendenti, iżda għadhom qed jidwu l-ħsejjes tal-artillerija f’Omdurman, biswit Khartoum u fiz-zoni ta’ Bahri fil-viċinanzi. Dan ukoll waqt il-waqtiet kontinwi ta’ sparar fil-belt ta’ Port Sudan li tmiss mal-Baħar l-Aħmar.
Kelliema għall-Armata Sudaniża qalu li l-ajruplani tal-gwerra tagħhom attakkaw il-bażijiet tal-paramilitari filwaqt li wissew liċ-ċivili residenti f’Khartoum u zoni oħrajn biex ma joħorġux mill-bieb ‘il barra.
Intant, ir-residenti f’Khartoum spiċċaw kostretti li jgħixu f’ambjent ta’ terrur, fost rapporti li xi entitajiet armati anki fetħu n-nar fuq id-djar taċ-ċivili. Dan waqt li l-ammonti ta’ ċivili maqtula komplew jiżdiedu fl-ibliet u r-reġjuni madwar is-Sudan, bit-tobba anki jikkonfermaw li tilfu ħajjithom għexieren ta’ suldati u paramiliari waqt il-ġlied.
Fost il-vittmi tal-battalji kien hemm anki tliet ħaddiema tal-World Food Programme – entità tan-Nazzjonijiet Uniti li twassal l-ikel lill-komunitajiet vulnerabbli.
Il-Ġenerali tal-Armata ilhom imexxu lis-Sudan mindu seħħ il-kolp ta’ stat ta’ Ottubru tal-2021 fil-pajjiż. Intant, il-battalji attwali qed jinvolvu taqsimiet militari leali għall-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan – il-mexxej attwali tas-Sudan – u l-RSF taħt il-kmand tal-Viċi-Mexxej tas-Sudan, Mohamed Hamdan Dagalo.
//= $special ?>