Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wieħed mill-akkużati fuq ħtif ta’ raġel wara li ġie mixli li pprova jikkorrompi xhud

Wieħed mill-irġiel fuq pleġġ b’rabta mal-allegat ħtif ta’ raġel fir-Rabat ġie mixli li pprova jikkorrompi xhud. Burton Azzopardi ta’ 21 sena minn Bormla, li qal lill-Qorti li joqgħod Ħaż-Żabbar u qal li jmexxi kafetterija, ġie mixli li pprova jikkorrompi xhud, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia ma ngħataw l-ebda dettalji dwar l-avvenimenti li wasslu għall-arrest. Meta ġie mistoqsi x’qed iwieġeb, jekk hux ħati jew leAzzopardi wieġeb “heqq,” u għamel mossa b’dirgħajh. L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia imbgaħad tkellem għaih billi qal li l-klijent tiegħu mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba u hawn l-Avukat Farrugia sostna li l-akkużi għadhom ma ġewx ippruvati u li l-klijent tiegħu kien preżunt innoċenti. Qal li ma ngħatax kopja tal-provi kontra Azzopardi, iżda qal li jifhem dan għaliex ma hemm “assolutament l-ebda evidenza”

Dr. Farrugia qal li n-negozju ta’ Azzopardi kien se jbati mingħajru u dak li qed tgħid il-Proskezzjoni huwa “unikament fuq bażi ta’ allegazzjoni.” Wara li qabel avviċina s-sedja mal-avukat difensur, l-Ispettur Gabriel Kitcher ma żvelax iċ-ċirkostanzi preċiżi tal-każ fil-qorti bil-miftuħ, iżda qal li kien jinvolvi xhud fi proċeduri oħra li għaddejjin “dwar reat serju.”

Huwa oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest. “Il-biża’ tagħna mhix li mhux se jattendi s-seduti, iżda li jerġa’ javviċina lix-xhud u jintimidah,” qal l-Ispettur filwaqt li żied li kien hemm xhud li għad irid jixhed fiż-żewġ każijiet. Id-difiża argumentat li salvagwardji kienu disponibbli biex jipproteġu lix-xhieda.

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, fl-istadju bikri tal-proċedimenti, minħabba biża’ akuta ta’ tbagħbis tal-evidenza. Burton Azzopardi huwa wieħed minn sitt irġiel li qed jiffaċċjaw akkużi talli ħataf raġel fir-Rabat f’Jannar tal-2022 fejn dawn qed jgħidu li seraq vann.

Il-vittma li rnexxielu jaħrab mill-aggressuri tiegħu kien xehed fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni li kien mhedded li jinqatgħulu subgħajh, u li oħtu kienet se tispiċċa stuprata. Azzopardi flimkien mal-kompliċi tiegħu Christian Borg, Tyson Grech, Luke Milton, Thorne Mangion u Jeremy Borg bħalissa huma kollha barra fuq garanzija.

Azzopardi kien akkużat ukoll li kiser żewġ digrieti ta’ pleġġ, u li sar reċediv. Christian Borg qed jiffaċċja wkoll protest ġudizzjarju fil-Qorti wara li għexieren ta’ klijenti li xtraw hew jikru lkarozzi, tal-kumpanija No Deposit Cars Malta, li tinsab f’Ħal Qormi, qed isostnu li sfaw vittma ta’ frodi u konfoffa kriminali fost reati oħra.