Ikomplu jikbru l-ilmenti tan-nies, hekk kif l-Air Malta qed tkompli tesperjenza dewmien ta’ sigħat twal fit-titjiriet – sitwazzjoni li qed tiġri ta’ kuljum fil-maġġoranza tat-titjiriet li topera din il-linja tal-ajru.
Fost dawk li lmentaw dwar dak li qed jigri fl-AirMalta kien hemm l-MEP Laburista, Alfred Sant illi permezz ta’ post fuq Facebook qal li hi xi ħaġa tal-mistħija li l-klijenti tal-Air Malta qed jiġu trattati b’dan il-mod. Hu qal li wieħed forsi jifhem li linja tal-ajru tesperjenza dewmien kawża ta’ diversi sitwazzjonijiet, iżda hi tal-mistħija li l-Air Malta ma tavżax bid-dewmien qabel wieħed jilħaq jasal l-ajruport.
Alfred Sant qal li l-linja tal-ajru tkun taf minn ferm qabel li se jkun hemm dewmien f’xi titjira jew oħra, u għalhekk l-amministrazzjoni għandha tavża lill-klijenti tagħha b’dan it-tibdil eżatt mal-mument li jkollha l-informazzjoni minflok tħalli lin-nies jaslu l-ajruport.
Dan apparti l-fatt li d-dewmien mhux qed ikun ta’ nofs siegħa jew siegħa kollox iżda mill-inqas qed ikun ta’ tlieta jew erba’ sigħat; u f’xi każi, saħansitra aktar!
Lura f’Awwissu li għadda l-Ministru Clyde Caruana kien qal li skont hu ma hemm xejn ħażin fl-operat tal-linja nazzjonali tal-ajru.
Madanakollu, fl-aħħar jiem ġie żvelat li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta mistennija tagħlaq il-bibien tagħha sal-aħħar ta’ din is-sena u minflokha tieħu postha kumpanija ġdida li se tkun iżgħar fid-daqs u kummerċjalment vijabbli – fatt illi xhur ilu kien ġie żvelat minn dan l-istazzjon, u li qatt ma ġie miċħud min-naħa tal-Gvern.