Il-pressjoni tidher li qed taffettwa lil Arsenal, il-liders tal-Premier League Ingliż, li, għat-tieni darba f’ġimgħa, tilfu vantaġġ ta’ żewġ gowls fi dro ta’ 2-2, ma’ West Ham United fil-London Stadium.
Ir-riżultat ifisser li l-vantaġġ tal-Gunners fuq it-tieni tim, Manchester City, niżel għal erba’ punti biss u meta ż-żewġ tims iridu jiltaqgħu ma’ xulxin fl-Etihad Stadium, fis-26 ta’ April.
Intant, Arsenal jidhru li qed jitilfu xi ftit mill-ispinta tal-aħħar xhur meta – wara d-dro 2-2 ta’ ġimgħa ilu ma’ Liverpool – ħallew vantaġġ komdu jaħrab minn taħt idejhom kontra West Ham li qamu għall-okkażjoni biex jagħtu sfida denja lill-Gunners. Dan minkejja li l-Hammers, nhar il-Ħamis, kienu impenjati kontra KAA Genk fl-Europa Conference League li spiċċat fi dro, 1-1, fil-Belġju
Arsenal kellhom ftuh qawwi fil-London Stadium fejn fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls wara biss għaxar minuti grazzi għal Gabriel Jesus (7) u Martin Odegaard (10).
Iżda West Ham, minkejja d-disfatta doppja, urew determinazzjoni kbira li jidħlu fil-logħba, bid-difiża ta’ Arsenal xejn ma tidher kompatta u f’kontroll tas-sitwazzjoni.
Fil-fatt, il-pressjoni tal-Hammers ħalliet il-frott meta Gabriel waqa’ lil Lucas Paqueta fil-kaxxa għal penalty ċar u fejn Said Benrahma (33) ma’ żbaljax mill-ħdax il-metru.
It-tieni taqsima bdiet fuq nota kawta miż-żewġ tims iżda fit-52 minuta, Arsenal kisbu penalty mill-‘hands’ ta’ Antonio fil-kaxxa – bil-winger, Bukayo Saka, jispara barra biex jagħti nifs ġdid lill-Hammers.
Dan l-iżball kellu jiswa żewġ punti mitlufa għal Arsenal, b’West Ham jiksbu parità tlet minuti biss wara, grazzi għall-volley preċiż ta’ Jarrod Bowen wara li rċieva mingħand Thilo Kehrer.
West Ham kellhom anki ċans li jieħdu t-tliet punti meta, kwarta mit-tmiem, id-daqqa ta’ ras ta’ Antonio ħabtet mal-mimduda, bil-gowlkiper Ramsdale megħlub għal kollox.
Intant, il-Hammers għadhom fil-ħmistax-il post tal-klassifika, b’erba’ punti vantaġġ fuq iz-zona l-ħamra, b’Arsenal qed iħarsu b’ansjetà lejn is-seba’ impenji li fadlilhom fil-kampjonat — bil-logħba li jmiss tkun ma’ Southampton, fl-Emirates Stadium, nhar il-Ġimgħa.
Dominanza mir-Red Devils fis-City Ground
Manchester United approfittaw mir-riżultati ħżiena (nhar is-Sibt) ta’ Newcastle United u Tottenham Hotspur biex telgħu t-tielet fil-klassifika grazzi għal rebħa meritata u konvinċenti fuq Nottingham Forest fis-City Ground.
B’din ir-rebħa, ir-Red Devils, issa, għandhom vantaġġ ta’ tliet punti fuq Newcastle u sitta fuq Tottenham – b’talaħħar jilgħabu logħba aktar miż-żewġ tims ta’ fuqhom.
United kienu determinati li jpattu għad-dro diżappuntanti tal-Ħamis ma’ Seville fl-Europa League, iżda Forest – li jinsabu t-tielet mill-aħħar – ippruvaw minn kollox biex jieħdu xi ħaġa mill-konfront u kellhom bidu inkoraġġanti b’numru ta’ set-pieces perikolużi fuq il-lasta ta’ David de Gea.
Iżda United – li kienu neqsin minn ħafna plejers regolari – xorta kellhom biżżejjed kwalità biex jikkontrollaw il-konfront għal ħinijiet twal, bl-ewwel gowl jasal minn Antony (32) fuq kontra-attakk – bil-gowlkiper Keylor Navas isalva fuq it-tentattiv ta’ Anthony Martial u bil-ballun jispiċċa f’saqajn l-attakkant Brażiljan li konkluda mir-rebound.
Ir-Red Devils komplew jiddominaw anki fit-tieni taqsima minkejja l-isforzi ta’ Forest biex jidħlu fil-logħba – b’Navas iwettaq saves tajbin fuq it-tentattivi ta’ Bruno Fernandes, Antony u Eriksen. Dan waqt li Forest kellhom jibbażaw bilfors fuq l-ispunti ta’ Brenner Johnson u Morgan Gibbs-White għall-kontra-attakki li rari kienu effettivi.
Madankollu, l-aħħar kelma deċiżiva kellha tkun ta’ United – bid-difensur Diogo Dalot (77) jiskorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk tar-Red Devils meta daħal bħal sajjetta għall-assist ta’ Antony biex jegħleb lil Navas mill-viċin għat-2-0 finali.
//= $special ?>