Lokali

“Robert Abela attakka lill-industrija tal-kotba – Partit Laburista tal-mistħija” – Mark Camilleri

“Illum Robert Abela attakka l-industrija tal-kotba kollha”.

Hekk sostna l-ġurnalist Mark Camilleri wara li l-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru indirizza lill-awturi u lill-ġurnalisti billi qalilhom “intkom komplu hedew fil-blogs u l-kotba waqt li aħna nkomplu noħolqu l-ġid”.

Camilleri insista li l-industrija tal-kotba f’Malta u Għawdex tħaddem mal-10,000 persuna u stqarr li diversi awturi bħalu ħafna mill-flus li jagħmlu jerġgħu joħorġuhom biex jippubblikaw aktar kotba.

Huwa sostna li l-Prim Ministru għoġbu jiżżufjetta b’industrija sħiħa għax mingħalieh li qed jaħlu l-ħin.

Dan filwaqt li huwa sfida lil Robert Abela jsemmi kemm huma l-ammont ta’ impjiegi li ħoloq hu kemm ilu Prim Ministru li jaqilgħu minimu ta’ €10 fis-siegħa.

Mark Camilleri sostna li l-impjiegi li qed jinħolqu mill-Gvern tal-Labour huma bbażati fuq cheap labour u pagi baxxi…fatt li l-Ħadd filgħodu anke l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant tkellem dwaru.

Huwa insista li l-Partit Laburista huwa verament tal-mistħija li jasal f’punt fejn il-Mexxej tiegħu jasal jgħid dan id-diskors f’attakk kontra l-industrija tal-kotba

Huwa temm jgħid li l-Partit Laburista sar il-partit ta’ kontra l-intellettwali u kontra l-industrija tal-pubblikazzjoni.