Sassuolo kisbu rebħa mhux mistennija fuq Juventus meta f’darhom għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl li ddeċieda din il-partita wasal fl-64 minuta permezz ta’ Gregoire Defrel.
Roma telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara li għelbu lil Udinese bl-iskor ta’ 3-0. Kien Edoardo Bove li fetaħ l-iskor fis-37 minuta meta rreaġixxa għall-penalty ta’ Bryan Cristante li ħabat mal-wieqfa. Roma rdoppjaw fil-55 minuta permezz tal-captain Lorenzo Pellegrini. It-tim ta’ Jose Mourinho għalaq il-partita fid-90 minuta permezz ta’ Tammy Abraham.
Punt importanti għal Salernitana meta barra minn darhom temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Torino. Kienu Salernitana li marru fil-vantaġġ wara biss disa’ minuti permezz ta’ Tonny Vilhena. Torino wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima u ġabu l-iskor indaqs fis-57 minuta permezz ta’ Antonio Sanabria.
Fi Stadio Via del Mare, draw ukoll ta’ 1-1 bejn Lecce u Sampdoria. Lecce fil-vantaġġ wara nofsiegħa logħob permezz ta’ Assan Ceesay. Sampdoria kellhom jistennew sal-75 minuta biex iġibu l-iskor indaqs permezz ta’ Jese.
//= $special ?>