Il-Kummissarju għall-Istandards għandu quddiemu 27 ilment jew talba għal investigazzjoni u jirriżulta li kien hemm 12-il ilment pendenti fit-30 ta’ Settembru 2022 meta l-Kummissraju George Hyzler spiċċa mill-kariga tiegħu.
Dan qalu l-Ispeaker Anġlu Farrugia fi tweġiba parlamentari għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
L-Ispeaker qal li mill-1 ta’ Ottubru 2022 sas-7 ta’ Marzu 2023 meta l-kariga kienet vakanti daħlu 15-il imnet ġdid waqt li mit-8 ta’ Marzu daħlu ħammes ilmenti ġodda. Minn dawn kienu riżolti ħames ilmenti.
Mis-27 ilment li hemm pendenti, 12 huma taħt investigazzjoni u 15 huma fl-istadju ta’ kunsiderazzjoni preliminari. Il-Kummissarju m’għandu beda investigazzjoni għaddejja li bdiet fuq inizjattvia tiegħu.
Mit-12-il ilment li huma taħt investigazzjoni, 11 huma taħt investigazzjoni attiva filwaqt li investigazzjoni ta’ ilment wieħed hi sospiża għaliex titratta kaz ta’ inkjesta maġisterjali.
B’mod ġenerali l-ilmenti jitrattaw għemil ta’ stqarrijiet pubbliċi jew risposti għal domandi parlamentari li ma jikkorrispondux mal-verità, imġieba ħażina marbuta ma’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa jew tal-assi, abbuż minn rizorsi jew beni pubbliċi, nuqqas ta’ konfrmità mal-liġi dwar permessi ta’ żvilupp, abbuż mill-kariga jew abbuż ta’ poter, nepotiżmu u kunflitt ta’ interess.