Tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Robert Abela wara li s-Sibt li għadda għall-ewwel darba… ismu spiċċa marbut mal-iskandlu tal-bank Pilatus.
U issa, għaddew aktar minn 48 siegħa …bil-Prim Ministru fl-ebda ħin għadu ma ċaħad dak li ġie żvelat.
Evidenza ġdida li kienet ippubblikata mill-awtur Robert Aquilina tindika li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ħarġet għonqha għal Antoinella Gauci, li kienet Risk Manager tal-Pilatus – mossa li kienet riżultat tal-fatt li l-familja ta’ Gauci għandha rabtiet mal-Prim Ministru.
Fil-ktieb, Aquilina jgħid illi missier Antoniella Gauci u anke ħuha kienu klijenti u kanvasers ta’ Robert Abela. Bl-awtur jindika li dan possibbilment kien fattur li wassal lill-Avukat Ġenerali toħroġ ordni – imsejħa nolle prosequi – sabiex il-Pulizija ma jmexxux bl-akkużi kontriha b’rabta mal-iskandlu tal-Pilatus.
It-Tnejn filgħodu Net News staqsa lil żewġ Ministri… li huma parti mill-Kabinett ta’ Robert Abela dwar dak li kien żvelat fuq il-Mexxej tagħhom. Bil-Ministru Owen Bonnici, li meta seħħ dan l-iskandlu kien Ministru tal-Ġustizzja, qalilna biss li m’għandux xi jżid mal-istqarrija ta’ Robert Abela.
Minn naha tieghu, il-Ministru Clifton Grima qalilna li l-fatti huma ċari ħafna. Il-Ministru tal-Edukazzjoni stqarr għal aktar minn darba li l-isituzzjonijiet f’pajiżna… skont hu…. qegħdin jaħdmu.
U quddiem dak kollu li qed joħroġ dwar Robert Abela…. Owen Bonnici… li ma’ kull okkożjoni li jkollu, joħroġ għonqu għall-Mexxej tiegħu….ħassha diffiċli jgħidilna jekk għadx għandu fiduċja fil-Mexxej tiegħu stess.
Net News huwa nfurmat li din ir-rabta ta’ Robert Abela mal-iskandlu tal-bank Pilatus possibbilment tkun diskussa fil-laqgħa tal-Kabinett li ssir it-Tlieta.
//= $special ?>