Gżira saħħew it-tamiet tagħhom li jiksbu għal darb’oħra post fl-Ewropa dan wara li f’konfront dirett huma għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-0. Din ir-rebħa ma’kienetx waħda faċli hekk kif Balzan kellhom il-mumenti tagħhom ukoll b’mod partikolari fl-ewwel parti tal-logħba. Iżda hekk kif il-Maroons sabu x-xibka permezz ta’ Jefferson ma’ ħarsux lura biex wasal saħansitra t-tieni gowl fil-bidu tat-tieni taqsima u minn hemm il-quddiem ma’ sabu ebda problema. B’din ir-rebħa Gżira issa għandhom żewġ punti vantaġġ u biex ikunu ċerti mit-tielet post iridu jirbħu l-aħħar logħba kontra Żebbuġ Rangers. Għax bi tlett timijiet warajhom bl-istess numru ta’ punti, 43 jekk jonqsu li jirbħu jkunu f’periklu li jitilfu t-tielet post. Mill-banda l-oħra Balzan iridu jirbħu l-aħħar logħba kontra Birkirkara u jittamaw minn riżultati favorevoli oħra mit-timijiet sfidanti.
Valletta għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewg goals tagħhom jaslu fl-ewwel taqsima. Wieħed irid jikkunsidra li l-Beltin lagħbu għal kważi taqsima sħiħa b’għaxar players. Wara t-tluq tat-Taljan Andrea Agostinelli, li ħa t-tmexxija ta’ Benevento Calcio fis-Serie B fl-Italja din kienet l-ewwel partita fuq il-bank għall-kowċ Ludvic Bartolo. Valletta rkupraw mill-aħħar logħba tagħhom fejn il-mira tagħhom hija li jispiċċaw l-istaġun fuq nota pożittiva. Il-Beltin kienu aħjar mill-avversarji fejn Christian Gauci kellu partita eċċellenti fejn dan jawgura tajjeb għall-futur. Konfront bejn żewġ timijiet bla ebda importanza fejn il-pożizzjoni fil-klassifika hija indikattiva.
Mosta kisbu rebħa konvinċenti bl-iskor ta’ 5-0 kontra Żebbuġ Rangers biex komplew jittamaw li jiksbu post fl-Ewropa. Dan minkejja li għadhom biċ-ċans li jagħmlu dan anki mill-kompetizzjoni tat-Trophy hekk kif huma jinsabu fis-semi finali. Mosta rriżultaw bħala wisq b’saħħithom għal Żebbuġ Rangers f’wirja dominanti fejn spikkaw għalihom Michael Okoh u Zachary Brincat, b’dan tal-aħħar jiskorja hat trick. Mill-banda l-oħra din kienet daqqa ta’ ħarta għal Żebbuġ Rangers li issa nqabżu minn Santa Lucia u bilfors iridu jieħdu xi ħaġa mill-aħħar partita biex jaspiraw li jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika. It-taqtiegħa għar-relegazzjoni ħa tibqa miftuħa sal-aħħar mumenti tal-kampjonat.

F’partita li fiha kien hemm ħames gowls, Birkirkara għelbu lil Pietá Hotspurs bl-iskor ta’ 3-2, biex b’hekk l-Istripes aċċertaw ruħhom minn post fil-UEFA Europa League u t-tieni post fil-kampjonat. Mill-banda l-oħra din it-telfa u d-draw li ħadu Santa Lucia kontra ċ-Champions Ħamrun Spartans ifisser li l-Hotspurs ser ikun qed jilgħabu fiċ-Challenge League l-istaġun li ġej. Dan wara staġun wieħed biss mal-kbar. Birkirkara b’hekk issa huma ċerti minn post fl-Ewropa u b’hekk jistgħu jkunu aktar rilassati għall-aħħar partita tal-kampjonat li għalihom ma’ fiha ebda importanza għalihom minkejja li għall-avversarji tagħhom Balzan ser tkun determinanti jekk jiksbux post fl-Ewropa.

F’partita medjokri li tirrispetta tmiem l-istaġun, Hibernians u Sirens temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 1-1. Kienet logħba li l-Pawlisti riedu rebħa biex jersqu aktar qrib il-kwalifikazzjoni fl-Ewropa. Imma huma naqsu li jagħmlu dan biex issa apparti li jridu jirbħu l-aħħar logħba tagħhom kontra Floriana, jista dan ma’ jkunx biżżejjed għax iridu jiddependu minn riżultati oħrajn biex possibilment jagħmluha għall-Ewropa Conference League. Mill-banda l-oħra b’dan id-draw Sirens estendew ir-riżultati pożittivi tagħhom għal ħames logħbiet u t-tama tagħhom u hekk jidher li ser ikun li jispiċċaw l-istaġun bis-sitt riżultat pożittiv hekk kif huma jiltaqgħu fl-aħħar logħba mat-tim relegat ta’ Pieta Hotspurs.

Floriana umiljaw lil Marsaxokk dan wara li għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 5-1. Il-Greens kienu diġá ċerti mit-tliet punti sa’ tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif kellhom vantaġġ ta’ erba’ gowls. It-tim immexxi minn Atzori kien fil-vena fejn Veselji u Busuttil ħarbtu lill-avversarji. Din kienet logħba bejn żewġ timijiet li jinsabu ixxamplati f’nofs il-klassifika tal-Kampjonat Premier. Iżda jekk għal Floriana l-istaġun jintemm bil-logħba kontra Hibernians mhux l-istess jista jingħad għax-Xlukkarji. Jidher li huwa diġa huma ffukati fuq is-semi finali tat-Trophy kontra Gżira United, logħba li tista tfisser ħafna għalihom.
Fl-aħħar nett Santa Lucia kisbu punt importanti fit-tentattiv tagħhom li jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier dan wara li huma żammew fi draw liċ-Champions Ħamrun Spartans. It-tim immexxi minn Branco Nisevic kienu l-aħjar tul il-partita kollha b’mod partikolari fl-ewwel taqsima. Fil-fatt is-Saints għarfu jiddefendu tajjeb ħafna fejn għalqu ħafna l-ispazji bl-avversarji tagħhom isibu t-triq tal-gowl minn penalty. Biex fit-tieni taqsima Santa Lucia ħarġu aktar fuq l-offensiva biex finalment huwa sabu x-xibka, gowl li jista jfisser staġun ieħor fil-Kampjonat Premier. Għax jekk jispiċċaw fit-tnax il-post jibdew bħala favoriti fil-play off kontra t-tim li jispiċċa t-tielet fiċ-Challenge League. Fir-rigward ta’ Ħamrun issa ħarsithom lejn l-aħħar logħba ta’ nhar is-Sibt kontra Gudja United u ċ-ċelebrazzjonijiet.

INNUTAJNA
LI nagħtu l-awguri lil Alfred John Camilleri l-kit manager ta’ Gudja United li għaqqad il-mitt logħba. Prosit Fred.
LI awguri lil Luqa SA promossi għaċ-Challenge League kif ukoll lil Senglea Athletic li huma ċ-Champions il-ġodda tal-Amateur League wara li dawn għelbu lil Msida SJ bl-iskor ta’ 2-0.
LI kif ġew l-affarijiet nhar il-Ġimgħa ser jintlagħbu erba’ partiti mill-aħħar ġurnata tal-Kampjonat Premier. Din hija l-ewwel darba li dan in-numru ta’ logħbiet ser jintlagħabu fl-istess ħin fejn ser jintużaw l-Istadium Nazzjonali, is-Centenary Stadium, it-Tony Bezzina Stadium u l-Gozo Stadium.
//= $special ?>