Lokali

Il-Gvern jinjora t-talba ta’ omm Jean Paul Sofia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’isem l-Oppozizzjoni talab li l-Parlament jiddiskuti b’urgenża l-ħtieġa ta’ inkjesta pubblika b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia; iż-żagħżugħ li f’Diċembru li għadda spiċċa mirdum taħt il-konkos ftit minuti biss wara li daħal f’binja li kienet għadha qed tiġi mibnija fil-Qasam Industrijali ta Kordin.

Għal din it-talba, il-whip tal-Gvern Andy Ellul baqa’ joġġezzjoni. Bil-Grupp Parlamentari Laburista jindika b’mod ċar li – skont huma – m’hemm l-ebda lok li ssir diskussjoni dwar din it-traġedja.

Aktar tard, fir-ruling tieghu, l-Ispeaker Anglu Farrugia ċaħad it-talba tal-oppozizzjoni sabiex tiġi diskussa Inkjesta Pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, għaliex skont is-sedja m’hiex kwistjoni ta’ urġenża.

Issa għaddew 4 xhur u nofs minn mindu seħħ dan il-kaz … il-familja ta’ Jean Paul Sofia flimkien mal-poplu Malti kollu għadu mingħajr ebda ħjiel dwar meta se ssir gustizzja ghall-mewt ta’ Jean Paul Sofia li hasdet pajjiz shih. U mhux talli hekk, talli l-Gvern Laburista ghadu qieghed jirrezisti sal-llum stess li tinħatar inkjesta pubblika b’rabta ma’ dan il-kaz.

Kienet Isabelle, omm iż-żagħżugħ, li aktar kmieni illum għaddiet ittra lid-deputati kollha biex issir ġustizzja. Hi appellat lill-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra biex ma jċaħdux lill-ġenituri milli jkollhom moħħhom mistriħ fuq uliedhom.