Lokali

Il-Gvern jopponi u ma jridx li l-parlament jiddiskuti l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia; id-dibattitu ma jsirx

Il-gvern oppona talba tal-Oppożizzjoni biex jiddiskuti b’mod urġaneti it-talba ta’ omm iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia qed tagħmel biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ binha li miet meta kkrolla bini fuqu f’Kordin. F’ruling, wara sospensjoni twila tas-seduta, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li ma kienx hemm l-urġenza imemdjata biex isir id-dbattitu.

Din l-oġġezzjoni l-gvern għamilha permezz tal-Whip tal-Gvern Andy Ellul wara talba li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li meta kien dieħel fil-parlament, bħal deputat oħra, hu kien avvċinat minn omm Jean Paul Sofia li tat ittra lid-deputati kollha flimkien ma’ santa ta’ Jean Paul Sofia.

Bernard Grech ressaq talba biex il-parlament jaġġorna u jiddiskuti t-talba ta’ omm Jean Paul Sofia biex issir inkjesta pubblika dwar din il-mewt.

Il-Whip tal-Gvern Andy Ellul qal li l-Grupp Parlamentari Laburista juri solidarjetà ma’ omm Jean Paul Sofia iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu kull opportunità jitkellem meta ressaq mozzjoni fil-ġurnata tal-Oppożizzjoni iżda għażel li jiddiskuti suġġett ieħor li l-parlament kien diġà ddiskuta.

Bernard Grech qal li dan ifisser li l-gvern ma jaqbilx li jiddiskuti din il-mozzjoni.

Andy Ellul qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu ġurnata biex jitratta din il-materja iżda minflok għażel suġġett ieħor.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia issospenda l-Kamra biex tingħata deċiżjoni.

Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qara l-ittra ta’ omm Jean Paul Sofia u qal li kull meta kienet trattta talba bħal din, is-Sedja kkunsidrat jekk il-kwistjoni hix waħda ta’ importanza pubblika u jekk hix ta’ urġenza. Hu qal li dan hu fundamentali għas-Sedja u kompla li f’dan il-każ it-talba għal dibattitu immedjat hi dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia li dwarha hemm inkjesta maġisterjali.

L-Ispeaker qal li s-Sedja ma tistax tkun ċerta li d-dibattitu ma jippreġudikax l-inkjesta maġisterjali minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet. L-Ispeaker qal li ma kienx hemm żviluppi li jwasslu biex il-Kamra tissospendi x-xogħol u iddibatti l-mozzjoni għal dibattitu immedjat. Għalhekk it-talba għal dibattitu immedjat kienet miċħuda.