Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fil-Parlament, talab lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jaġġorna l-Kamra ħalli tkun diskussa l-ħtieġa għall-importanza ta’ Inkjesta Pubblika.
Dan wara t-talba ta’ Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, f’ittra li qassmet ittra lid-Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra biex tkun diskussa mozzjoni li titlob Inkjesta Pubblika.
Fil-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Kamra tar-Rappreżentanti għandha taġġorna biex tiddiskuti t-talba ta’ Isabelle Bonnici wara l-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, li spiċċa mirdum taħt it-tifrik ta’ binja f’Kordin.
Hu spjega li, bħalma spjegat Isabelle Bonnici, Inkjesta Pubblika tagħti r-rakommandazzjonijiet fuq in-nuqqasijiet li hemm fis-sistema. Dawn joħorġu biss minn Inkjesta Pubblika għax hu hekk biss li jista’ jkollna riforma li tagħti l-frott fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.
Min-naħa l-oħra, Inkjesta Maġisterjali twassal biss għal ġustizzja kriminali u dan jekk issib li kien hemm reat. Għaldaqstant, hi biss Inkjesta Pubblika li tista’ twassal għal ġustizzja amministrattiva u twassal għal riforma biex dawk il-proċessi li huma ħżiena jew dgħajfa, jissaħħu b’rispett lejn il-ħajja u s-sigurtà tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li din hi kwistjoni ta’ importanza pubblika urġenti u. kif kitbet omm Jean Paul Sofia, il-poplu jixtieq riforma li taħdem mhux kliem fieragħ. Irid ġustizzja, trasparenza, kontabilità u s-sewwa. Hu għalhekk li ressaq din il-mozzjoni, skont l-Ordni Permanenti 13 għall-Aġġornament tal-Kamra, biex tiddiskuti din il-ħaġa definita ta’ importanza pubblika urġenti.
Sadanittant, hu ħasra li l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jirrifjuta din il-mozzjoni.
//= $special ?>