BirdLife Malta hija diżappuntata bl-eżitu tal-konklużjonijiet tal-Qorti u l-fatt li ġiet miċħuda t-talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-kaċċa tal-Gamiema fir-rebbiegħa. Id-deċiżjoni tal-Imħallef Giovanni Grixti ngħatat dalgħodu, urrevokat ukoll il-mandat ta’ inibizzjoni li kien intlaqa’ b’mod proviżorju fit-3 ta’
April. B’hekk il-Gvern issa jista’ jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-2023.
Jidher li l-Qorti qed toqgħod biss fuq ir-rapporti tat-Taqsima tarRegolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi li konvenjentement jagħmlu użu biss mid-data xjentifika sal-2018. Id-data sal-2021 turi li l-popolazzjoni tal-Gamiema kompliet tonqos u li l-ispeċi qatt ma kienet f’qagħda agħar milli hi llum.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Qed naraw xi jkun ir-riżultat meta jkollok taqsima motivata politikament bħalma hija l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) li minkejja li għandha d-data li turi x’inhu verament l-istatus tal-Gamiema, tiddeċiedi li tagħżel data speċifika bl-iskop li tpinġi sitwazzjoni li hija differenti mir-realtà. Id-WBRU poġġiet id-direzzjoni politika qabel il-fatti xjentifiċi. Il-qrati qagħdu biss fuq ir-rapporti tad-WBRU u injoraw kull tip ta’ data xjentifika oħra minn istituzzjonijiet ta’ fama bħalma hija l-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN). Fl-istess ħin ma ħallewniex inressqu bħala xhieda esperti xjentifiċi u data xjentifika li kienu jikkontradixxu l-pożizzjoni tad-WBRU.
Il-misssjoni tagħna li nġibu lil Malta konformi mad-Direttiva Ewropea dwar lGħasafar u ntemmu l-kaċċa fir-rebbiegħa issa ssir b’saħħitha aktar minn qatt qabel. Il-kawża l-oħra tagħna fil-qorti kontra l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa 2022 ukoll issa ssir aktar rilevanti, u matulha se nressqu xhieda u l-aħħar data xjentifika. Aħna se nkunu qed ninfurmaw ukoll lill-Kummissjoni Ewropea bl-eżitu tal-każ fil-qorti bl-iskop li niffaċilitaw it-triq ’il quddiem għat-tisħiħ tal-Proċedura ta’ Ksur li diġà nfetħet mill-UE fi Frar li għadda permezz ta’ Avviż ta’ Tqegħid Formali li ntbagħat mill-Kummissjoni Ewropea (KE) lill-Gvern Malti. Il-Gvern kellu sal-15 ta’ April biex iwieġeb għal din l-Ittra ta’ Intimazzjoni li hija l-aktar twissija riċenti li rċieva mill-KE. Insejħu wkoll lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta biex dan l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa jkun preżenti b’saħħa biex jikkontrolla u jissorvelja strettament l-istaġun.”
Finalment, BirdLife Malta tixtieq trodd ħajr lill-avukati Martin Farrugia u Claire Bonello li għamlu biċċa xogħol mill-aqwa.
//= $special ?>