Internazzjonali

Ir-Russja: 25 sena ħabs wara li kritika l-gwerra…u lil Putin

Vladimir Kara-Murza, attivist ewlieni tal-Oppożizzjoni fir-Russja, spiċċa kundannat għal 25 sena ħabs b’konnessjoni mal-kritika qalila tiegħu dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-politika tal-President Russu Vladimir Putin.

Il-qorti li kkundannatu sabitu ħati ta’ ‘tradiment’ u talli mexxa dik li hi fissret bħala ‘informazzjoni falza’ dwar l-Armata Russa. Akkuża oħra kontra Kara-Murza tinvolvi l-isħubija ma’ ‘organizzazzjoni mhix aċċettata minn Moska’.

Vladimir Kara-Murza eks-ġurnalist b’ċittadinanza doppja, għandu passaporti tar-Russja u r-Renju Unit. Hu ilu ħafna jikkritika l-politika ta’ Putin u s-sentenza ta’ priġunerija li weħel hi l-akbar waħda li qatat ingħatat fir-Russja mindu l-qawwiet tal-Kremlin invadew lill-Ukrajna.

Dan meta fl-aħħar xhur, numru ta’ avversarji ta’ Putin spiċċaw arrestati inkella sfurzati biex jitilqu mill-pajjiż.

L-eks-ġurnalista qed jiċħad l-akkużi kollha fil-konfront tiegħu waqt li qed jinsisti li ‘jinsab kburi li l-kritika tiegħu ( għal Putin) ma waqgħetx fuq il-widnejn torox’ u meta hu lest ‘biex jissostanzja kull akkuża relatata mal-gwerra’.