Il-gwerra fl-Ukrajna tidher li qed tħalli impatt akbar fir-Russja fejn numru ta’ splużjonijiet ħallew ħerba minn żewġ faċilitajiet tal-enerġija, bir-riżultat li eluf spiċċaw mingħajr dawl fir-reġjun ta’ Belgorod. L-isplużjonijiet – li x’aktarx irriżultaw minn attakk bid-drones — anki kaġunaw in-nirien, għalkemm ma jidhirx li rriżultaw il-vittmi.
L-awtoritajiet f’Belgorod qalu li d-drones ‘sparati mill-Ukreni’ laqtu anki nħawi oħra tar-Russja li jmissu mal-Ukrajna u li n-nirien inġiebu taħt kontroll b’diffikultà kbira. Dan waqt li diversi partijiet tal-belt ta’ Belgorod – fejn jgħixu mat-340,000 abitant – sofrew minn blackouts fit-tul wara li splużjoni qerdet substation ewlieni fis-subborg ta’ Igumenka.
Filwaqt li l-Ukrajna ma assumietx responsabbiltà għall-isplużjonijiet hemm xorta l-indikazzjonijiet sinifikanti li l-Ukreni qegħdin imexxu l-gwerra ta’ pajjiżhom eqreb lejn l-ibliet tar-Russja permezz ta’ aġenti li jispeċjalizzaw fl-atti ta’ sabutaġġ.
L-inħawi ta’ Belgorod jinsabu xi 22 mil biss ‘il bogħod mill-fruntiera Russa mal-Ukrajna. U waqt li din mhix l-ewwel darba li seħħew l-attakki bid-drones fuq dik iz-zona, dawn għandhom jitqiesu bħala ‘qatra fl-oċean’ meta paragunati mal-attakki konsistenti tar-Russi fuq ir-reġjuni ta’ Kiev u bnadi oħra tal-Ukrajna.
Sadanittant, l-Ukreni qed jidhru qrib ta’ ammissjoni dwar ‘tattiċi ta’ sabutaġġ’ li qegħdin jikkaġunaw in-nirien fir-Russja. Dan meta l-awtoritajiet fi Kiev jistgħu qegħdin iħallsu lill-aġenti biex imexxu l-azzjonijiet fl-artijiet Russi.
//= $special ?>