Internazzjonali

Is-Sudan: Jirrankaw il-battalji, biċ-ċivili maqtula jaqbżu l-100 f’Khartoum u bnadi oħra tal-pajjiż

Il-battalji bla heda li żbruffaw fi tmiem il-ġimgħa f’Khartoum u bliet oħra tas-Sudan daħlu fit-tielet jum fost sensiela ta’ sparar u splużjonijiet ġodda fil-kapitali u l-madwar.

L-aħħar waqtiet ta’ ġlied bejn il-qawwiet leali għall-Kap tal-Armata u l-membri ta’ grupp rivali ta’ paramilitari konċentraw madwar il-Palazz tar-Repubblika f’Khartoum u l-kwartier ewlieni għall-kmand tal-militar fl-istess inħawi.

Dan meta żbruffaw ukoll il-battalji fiz-zona tal-ajruport internazzjonali ta’ Khartoum minfejn dehru telgħin id-dħaħen kbar matul il-ġurnata.

Il-ġlied bejn l-Armata Sudaniża u l-avversarji tal-grupp Rapid Support Forces (RSF) żbroffa nhar is-Sibt u ftit hemm sinjali li ż-żewġ naħat huma lesti biex ipoġġu madwar mejda għal negozjati bil-ħsieb li tintemm din il-kriżi.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni saret aktar perikoluża meta l-militar li qed jappoġġjaw lill-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan qegħdin jirrankaw l-attakki fuq l-RSF li qed jitmexxa mill-Viċi-Mexxej tas-Sudan, Mohamed Hamdan Dagalo.

Minbarra li hu l-Kap tal-Armata, Abdel Fattah al-Burhan ilu żmien bħala l-mexxej attwali tas-Sudan fejn kien sar kolp ta’ stat lejn l-aħħar tal-2021. Intant, id-diżgwid bejnu u Hamdan Dalogo ma jidhirx li se jissolva malajr, bil-paramilitari ta’ Dalago jinsabu determinati ‘biex jipproċessaw lil al-Burhan ladarba jaqbduh priġunier.’

Fl-aħħar sigħat, lanqas ma kienu effettivi l-isforzi tad-diplomatiċi barranin biex iwasslu għat-tmiem tal-ostilitajiet fis-Sudan – bit-tobba f’dan il-pajjiż Afrikan jikkonfermaw li mietu ‘il fuq minn 100 ċivili fil-vjolenza tal-aħħar jiem.

Intant, numru ta’ mexxejja tar-reġjun partikulari, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippjanaw biex imorru fis-Sudan bil-ħsieb li jipperswadu lin-naħat ġelledin biex imexxu pajjiżhom lejn tmexxija ċivili wara snin taħt kontroll militari. Iżda dan it-tragward qed jidher diffiċli ħafna li jintlaħaq, bis-Sudaniżi għandhom jibqgħu miċħuda minn Amministrazzjoni ċivili għat-tul taż-żmien.