Qorti fl-Iran ikkundannat għaxar membri tal-qawwiet armati għall-priġunerija b’konnessjoni mat-twaqqigħ ta’ ajruplan – Boeing 737-800 — tal-Ukraine International Airlines, f’Jannar tal-2020.
L-ajruplan kien spiċċa milqut minn missili li sparatilha taqsima tal-Gwardja Rivoluzzjonarja li hi meqjusa bħala l-elit tal-militar Iranjan. Il-każ seħħ ftit wara lil-ajruplan kien telaq minn Tehran u bir-riżultat li mietu l-176 kollha abbord.
Il-Kap tat-taqsima partikulari, intant, weħel il-ħabs għal 13-il sena dwar sehem fi qtil involontarju u talli ‘kien injora d-direttivi tas-superjuri tiegħu’.
Sadanittant, il-familji tal-vittmi ċaħdu l-verdetti bħala ‘inaċċettabbli’, waqt li insistew li l-Ġudikatura Iranjana kienet ipproċessat lill-fizzjali ‘ta’ gradi iżgħar’ minflok l-individwi mlaħħqin li, bl-aġir tagħhom, kienu ‘il-vera kaġun tat-traġedja’.
L-Ukrajna, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Iżvezja – li kollha tilfu ċ-ċittadini fl-inċident – qed jinsistu li l-missili, dakinar, kienu sparati ‘illegalment u intenzjonalment’ fid-direzzjoni tal-ajruplan u għadhom determinati li ‘issir il-vera ġustizzja mal-Iran’.
Dan meta l-Iran – għal tlett ijiem sħaħ wara l-qerda ta’ Titjira PS752 (tal-Ukrainian Airlines) – baqa’ jiċħad għar-responsabbiltà fost l-istqarrijiet dwar ‘fallimenti tekniċi’.Iżda l-provi komplew jiżdiedu, bil-qawwa tal-ajru mal-Gwardja Rivoluzzjonarja, fl-aħħarnett, tammetti li waħda mit-taqsimiet tad- difiża kienet indikat lill-Boeing bħala ‘missila tal-Istati Uniti’.
//= $special ?>