Lokali Parlament

L-Ispeaker jiddikjara li kliem li qal Karol Aquilina mhux theddid fil-konfront ta’ Michael Farrugia

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling li fih iddikjara li diskors li kien qal id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-konfornt tad-deputat Laburista Michael Farrugia dwar laqgħa ta’ kumitat parlamentari ma kienx jammonta għal theddid.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling dwar talba ta Robert Cutajar dwar il-kumitat tal-Abozzi dwar arresti ta’ persuni suspettati ma kellux jitlaqqa’ dakinhar wara li kienet saret laqgħa informali maċ-Chairman tal-Kumitat d-deputat Laburista Michael Farrugia fejn kien hemm qbil li jekk id-deputati ma jkunux jistgħu jattendu allura l-kumitat ma jsirx. Fil-fatt, mingħajr ebda avviż il-Gvern laqqa’ l-Kumitat tal-Abbozzi u qal li l-Oppożizzjoni ma kinitx attendiet għal-laqgħa.

Dan kien konfermat ukoll mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li kien qal ukoll li jekk il-gvern qed jibqa’ juri nuqqas ta’ kooperazzjoni, allura l-Oppożizzjoni trid taġixxi mod ieħor.

Id-deputat Laburista Farrugia kien qal li kien hemm korrispondenza bejn il-membri kollha tal-kumitat iżda d-deputat Nazzjonalista Karol Aqulina ċaħad din l-allegazzjoni u qal li l-Oppożizzjoni riedet tattendi dan il-kumitat u tipparteċipa f’din il-liġi importanti.

Id-deputat Laburista Michael Farrugia kien talab ukoll il-protezzjoni tal-Ispeaker wara diskors li allegatament qal fil-konfront tiegħu Karol Aquilina meta qallu li kien se jżomm dan kollu fil-komma. Hu qal li kien ħassu mhedded b’dan id-diskors.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien spjega li fil-fatt hu kien informa lill-Ispeaker dwar dak li seħħ.

L-Ispeaker qal li fil-fatt kienet inbtagħtet email dwar il-kumitat imsemmi miċ-Chairman tal-Kumitat Michael Farrugia u sostna li ma kien hemm oġġezzjoni għal din il-laqgħa minkejja li kienet saret telefonata minn Robert Cutajar. Dejjem hu għaqli li jkun hemm kunsens u appella biex ikun hemm kunsens dwar il-laqgħat, sostna l-Ispeaker, li kompla li seta’ kien hemm iktra abbokamenti biex ikun evitat id-diżgwid għalkemm iċ-Chairman kien korrett li jlaqqa’ l-kumitat.

Dwar l-allegat diskors li qal Karol Aquilina fil-konfront ta’ Michael Farrugia, l-Ispeaker qal li Karol Aquilina kien spjega d-diskors li rrifera għalih Michael Farrugia. Hu qal li dan l-atteġġjament mhux feliċi u ma jagħmilx ġieħ lill-Parlament għalkemm id-diskors ta’ Michael Farrugia mhux theddid fil-konfront ta’ Michael Farrugia.

Is-Sedja talbet lil Karol Aquilina jirtira l-kliem ‘issa nagħmilhielek’.

Karol Aquilina ikkonferma s-sinifikat ta’ dak li kien qal fil-parlament dakinhar meta ta l-ispjega tiegħu fis-seduta. Michael Farrugia aċċetta l-ispjega tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.