Lokali

Mixli li kkaġuna feriti gravi fuq sieħbu barra stabbiliment

Raġel ta’ 35 sena li jaħdem bħala Assistent Manager f’restaurant ġewwa l-Belt Valletta ingħata l-pleġġ wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca Rizzo li nhar is-Sibt li għadda kkaġuna feriti gravi fuq sieħbu barra stabbiliment fi Triq il-Merkanti, fejn jaħdem il-vittma.

L-Ispettur Daryl Borg li flimkien ma’ l-Ispettur Kevin Pulis ressaq lil Alan Calleja mill-Imġarr qal li għall-ħabta tal-11pm seħħ argument bejn l-akkużat u raġel li ilu jafu mhux ħażin fejn ikkaġunalu ġrieħi serji f’saqajh. L-Ispettur qal li l-akkużat jaħdem f’lukanda, kantuniera bogħod ma’ fejn jaħdem il-vittma u kien minn filmati ta’ CCTV’s li kien skopert li l-akkużat weġġa’ lill-vittma.

L-Avukat Franco Debono li flimkien ma’ l-Avukat Marion  Camilleri deher għal Calleja għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha minn naħa tal-Prosekuzzjoni. Dan għaliex għad irid jixhed il-vittma, li baqalu aktar minn ġimgħa l-isptar Mater Dei fejn irid jagħmel operazzjoni f’saqajh.

L-Ispettur Borg qal ukoll li hemm ukoll xhieda li kienu fil-post li għad iridu jixhdu. Fattur ieħor qal il-Prosekutur huwa li jaħdmu fejn xulxin u l-gravità tal-każ. L-Avukat Debono qal li dan kien inċident sfortunat li ħa l-forma ta’ ‘self defence’ fejn jidher li Calleja waqa’ fuq sieħbu waqt l-argument. Tenna li l-klijent tiegħu għandu kondotta nadifa, anzi perfetta, għandu mpieg tajjeb, l-mara wkoll akkumpanjatu fl-awla u flimkien għandhom żewġt ulied.

“Jekk hemm hemm bżonn sakemm jixhed l-allegat vittma l-imputat lest li ma jmurx għax x-xogħol u li żgur li ma tkunx problemi li jobdi l-kundizzjonijiet li timponi l-Qorti. Tant kemm kien inċident sfortunat, lanqas armi ma kienu nvoluti f’dan il-każ,” tenna l-Avukat Franco Debono.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ ta’ Calleja taħt għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta kuljum bejn it-8am u t-8pm. Li jkun id-dar sal-11pm. u ma joħroġ qabel is-6am. li ma jersaqx lejn il-Belt Valletta u li jiddepożita s-somma ta’ 5,000 ewro u marbut ukoll b’garanzija personali ta’ 10,000 ewro.