Lokali

Peter Agius jakkuża lill-Gvern li qarraq bin-nies meta ħabbar investiment biex jibqa s-servizz tat-TV Free to Air

Ftit ġimgħat ilu għamlu konferenza stampa biex jgħidu li ser jinvestu 1,5 miljun fit-teknoloġija free to air biex il-Maltin u l-Għawdxin jaqbdu s-servizz tat-tv bl-aerial. Li ma qalx il-Gvern dakinhar huwa li l-investiment imsemmi mhux ser ikopri t-transmitter ewlieni li jkopri madwar 40% ta’ Malta. Mingħajr dan it-transmitter fin-Naxxar is-servizz free to air jilħaq biss lil 60% tal-konsumaturi. Tant hu hekk li bħalissa hemm eluf ta’ djar, speċjalment fin-naħat tal-portijiet, li għadhom bla servizz. 

‘Sejħuli bosta familji u mort u rajt b’għajnejja kif, minkejja l-wegħdi tal-Gvern, dawn m’għandhomx is-servizz tat-TV free to air. Mhux kulħadd jaffordja jħallas kuntratt b’możata kull xahar għal tv, speċjalment f’daż-żmien fejn l-għoli tal-ħajja qed jagħfas fuq il-but ta’ kulħadd. Hemm eluf ta’ familji li issa jinsabu bla servizz ta’ TV bl-aerial tort tal-inkompetenza u t-traskuraġni tal-gvern li dam jaħsiba qabel jinvesti fuq dan is-servizz.’


‘Infakkar li l-aċċess għal informazzjoni dwar ġrajjiet kurrenti bla ħlas huwa dritt garantit ukoll mill-Unjoni Ewropea. Nappella lill-Gvern biex jara kif ser jagħmel u jiggarantixxi dan is-servizz bla xkiel u bi kwalità tajba madwar Malta u Għawdex kollu. Il-Gvern għandu jieqaf jitmejjel bin-nies u jara li jżomm il-kelma tiegħu fil-konferenzi stampa u l-istqarrijiet. Jiena ser nibqa’ nara li niddefendi kull dritt Ewropew tal-Maltin u l-Għawdxin. Ser inkun hemm speċjalment biex niddefendi liż-żgħir li dan il-Gvern nesa u għalhekk qed jispiċċa bla vuċi fis-soċjeta Maltija tal-llum.’