Il-Malta Football Association qed tikkonsidra li waħda mill-partiti ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej, meta se jkunu qed jintlagħabu erba’ partiti fl-istess ħin mill-Kampjonat Premier, tintlagħab fil-Gozo Stadium.
Dan kien żvelat il-bieraħ filgħaxija f’Replay, mill-Viċi President tal-MFA, Matthew Paris meta kien mistieden fil-programm tal-Ħadd filgħaxija fuq Net Television.
Il-bieraħ il-Ħadd, l-assoċjazzjoni ħabbret li erbgħa mis-sebgħa partiti li għandhom jintlagħabu fl-aħħar match day tal-Kampjonat Premier, se jkunu qed jintlagħbu fl-istess ħin. Dan ifisser li l-MFA għandha bżonn erba’ stadiums differenti.
Dan l-istaġun, għall-partiti mill-Kampjonat Premier, l-MFA użat biss tliet stadiums differenti. Dawn huma ż-żewġ stadiums f’Ta’Qali u Tony Bezzina Stadium.
Il-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun mhux qed ikun ikkonsidrat f’din iċ-ċirkostanza u Paris qal li l-MFA temmen li r-raba’ stadium għandu jkun dak f’Għawdex.
Il-Gozo Stadium diġa’ intuża’ f’Diċembru li għadda biex intlagħabet il-finali tas-Super Cup bejn Hibernians u Floriana FC.
//= $special ?>