Lokali

Raġel imfittex mill-Pulizija wara li aggredixxa żagħżugħ Marokkin

Il-Pulizija qed tfittex raġel illi allegatament aggredixxa żagħżugħ barrani, il-Ħadd filgħaxija, fil-venda tal-linja qrib Pjazza Tritoni.

Il-każ seħħ fis-6:30pm, b’sorsi ta’ Net News jikkonfermaw li ż-żagħżugħ għadu qed jingħata l-kura fl-isptar Mater Dei.

Il-vittma huwa Marokkin ta’ 22 sena li jgħix Birżebbuġa, bil-Pulizija jikkonfermawlna li dan ġie attakkat minn raġel ieħor fil-venda tal-linja. L-aggressur irnexxielu jaħrab mill-post.

Jidher li fl-aggressjoni intużat arma bil-ponta, b’kelliem għad-Depot ma jikkonfermax jekk din kinitx sikkina.

Eżatt wara li safa aggredit, il-vittma ittieħed il-poliklinika tal-Furjana, fejn iddewwa għad-daqqiet li kellu f’wiccu u fl-istonku. Biex aktar tard ittieħed l-Emerġenza b’ambulanza.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.