Lokali Qorti

Sqalli jibda għaddej ġuri fuq 25kg cannabis fl-2018 valutata €700,000

Sqalli ta’ 45 sena residenti Pembroke beda għaddej ġuri akkużat li fl-1 ta’ Ottubru tal-2018 u qabel importa 25kg cannabis b’valur ta’ aktar minn nofs miljun ewro, wara rejd tal-pulizija li kien sar f’garaxx ġewwa Tas-Sliema. Davide Bonanno kien ġie arrestat flimkien ma’ żewġ irġiel Taljani oħra f’rejd tal-Pulizija f’garaxx fi Triq Matthew Pulis.

Uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit u l-Iskwadra tad-Droga kienu marru fil-garaxx mgħejjuna minn klieb li allegatament sabu d-droga. Dawn kienu nstabu f’kaxxi f’pakketti tat-tissues. Meta tressaq kien ing]ad li d-droga dak iż-żmien kellha valur ta’ aktar minn €500,000, bil-prosekuzzjoni waqt il-ġuri tiegħi li minn analiżi li sar il-valur korrett tad-droga misjuba kien ta’ €700,000. Din id-droga kienet waslet f’kontejner minn Sqallija.

Quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, l-Ispetturi tal-Pulizija Jonathan Cassar u Mark Anthony Mercieca mgħejjuna mill-Avukati Kevin Valletta u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jakkużaw lil Bonanno b’kumplott ta’ bejgħ ta’ cannabis, importazzjoni ta’ cannabis, kompliċità fl-importazzjoni ta’ droga u pussess ta’ cannabis.

L-akkuża tal-Avukat Ġenerali tgħid li Bonanno kien jgħix u jaħdem Malta fejn intebaħ li d-droga ġġib prezz tajjeb ħafna f’Malta u għalhekk iddeċieda li jibda negozju llegali li jħalli ferm aktar qliegħ mill-impieġ leġittimu tiegħu. Ġara li żewġ irġiel oħra Taljani b’mod involontarju fejn ma kienux jafu ta’ merkanizija b’kontenut illeċtu, li kellha tiddaħħal f’Malta.

Din il-merkanzija kienet daħlet Malta permezz ta’ palletta li kienet bid-droga u li kienet spiċċat tas-Sliema. Dan wara li kien ddaħħlu terzi persuni fl-istorja bid-droga tiġi trasportata mis-Siġġiewi qabel waslet f’garaxx ġewwa Tas-Sliema u kienet indirizzata f’isem Taljan ieħor.

Id-droga kienet indikata bħala “Merce Alimentati” oġġetti tal-ikel u waslet minn Sqallija. L-akkuża tgħid li kien Bonanno li mar jistenna din il-merkanzija u kien hu stess li ffirma għaliha mal-wasla tagħha. Il-Pulizija Maltija kellha nformazzjoni li fi trailor, propjetà ta’ kumpanija bbażata fis-Siġġiewi, kien hemm id-droga.

Wara li l-Pulizija tkellmet ma’ sid it-trailor u skopriet għal fejn kienet sejra l-palletta bid-droga, saret “controlled delivery”. Il-kumpanija nformat lill-akkużat li kienet se ssir il-konsenja u hawn rikeb kuntistabbli tal-Pulizija ġewwa vann li kien sejjer bil-palletta. Kif waslu fuq il-post kien hemm persuna liebsa flokk aħmar, l-akkużat, li deher iwaqqaf il-vann u kkonferma li dan kien sid il-merkanzija. Kien f’dan il-ħin li sar ir-rejd u nstabet id-droga.

Fl-ewwel ġurnata tal-ġuri ħareġ li l-Pulizija daħlitilha informazzjoni li d-droga kienet iddaħħlet f’Malta ma’ merkanzija oħra, minn Katanja. Il-merkanzija kienet indirizzata lil ċertu Giovanni Musumeci, b’indirizz f’Tas-Sliema. L-akkużat għamilha ta’ bir-ruħu li kien Musumeci u talab lil żewġ ġuvintur oħra biex jgħinuh iħott ix-xogħol f’garaxx.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ma ħadimx waħdu u li Bonanno ftiehem ma’ terzi persuni. L-Avukat Valletta qal li l-akkużat ma ta l-ebda prova li kellu liċenzja b’rabta mas-sustanzi li ddaħħlu fil-pajjiż. Meta kien tressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech, l-akkużat kien naqas milli jwieġeb jekk hux ħati jew le, bil-Qorti tgħid li għaldaqstant is-silenzju jfisser li Bonanno qed jiddikjara li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-assi tal-imputat kienu ġew ffriżati hekk kif huwa tressaq il-Qorti, skont il-proċedura normali f’każijiet ta’ droga. Dr. Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Bonanno bħala l-avukat tal-għajnuna legali.