Żewġ eks-diretturi ta’ Zenith Finance li qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus għażlu li jgħaddu ġuri minflok ma jiġu ġġudikati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech it-Tlieta filgħodu meta l-kumpilazzjoni kontra Matthew Pace u Lorraine Falzon kelli tkompli.
Id-difiża qalet li Pace u Falzon għadhom jiffaċċjaw akkużi minkejja li l-Prosekuturi kienu jafu sa mill-ewwel ġurnata li huma personalment ma għamlux qligħ illeċitu. Il-kumpanija tas-servizzi finanzjarji tagħhom kienet tiswa €25 miljun qabel ma kienet fil-mira ta’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus u sussegwentement ntlaqtet minn ordni ġenerali ta’ ffriżar li ġabet in-negozju tagħhom għarkupptejh, irrimmarkat id-difiża.
L-Avukat difensur Edward Gatt qal fil-Qorti li d-deċiżjoni li jitressqu akkużi b’dak il-mod kienet qerdet in-negozju u l-ħajja tal-klijenti tiegħu, u konsegwentement min jieħu deċiżjoni bħal din ikollu “jerfa’ r-responsabbiltà personali.” Ix-xahar li għadda, fi proċeduri separati mressqa minn Pace u Falzon, il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha ddeċidiet li l-Istat kien kiser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti billi naqas milli jipprovdi l-għodda meħtieġa biex tiġi estratta data mill-mowbajl ta’ Pace.
Dak in-nuqqas mill-awtoritajiet kien kaxkar bla bżonn il-proċeduri tal-ħasil tal-flus, bi żmien moħli waqt li l-prosekuzzjoni insistiet li tikseb id-data tat-telefon. L-avukati ta’ qabel id-diretturi argumentaw li l-Prosekuzzjoni kienet sempliċement qed tagħmel ‘fishing expedition’ għad-data.
L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri kienet ikkonkludiet li kieku ma kienx għad-diffikultà biex tinkiseb dik id-data elettronika, il-prosekuzzjoni setgħet tagħlaq il-każ tagħha ferm aktar qabel. Meta reġgħu bdew il-proċeduri kriminali l-Qorti staqsiet lid-difiża jekk l-akkużati kinux qed jaċċettaw li l-każ tagħhom jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati.
Dak kien meta l-avukat Edward Gatt informa lill-Qorti li l-akkużati kienu qed jagħżlu li jmorru għall-ġuri quddiem il-Qorti Kriminali. B’hekk il-Maġistrat bagħtet l-atti lill-Avukat Ġenerali biex jinħarġu l-att ta’ akkuża. L-avukat Mark Vassallo asssita lil Edward Gatt bħala avukat difensur.
//= $special ?>