Lokali Parlament

Il-gvern iwaqqaf dibattitu parlamentari urġenti dwar l-Air Malta; l-Oppożizzjoni toħroġ mill-parlament

Il-Gvern oġġezzjona u ma jridx li s-sitwazzjoni tal-Air Malta tkun diskussa b’mod urġenti fis-seduta li qed tiltaqa’ bħalissa fil-parlament. Quddiem ruling tal-Ispeaker li ddikjara li m’hemmx urġenza għal dibattitu u wara li lbieraħ ittieħdet l-istess deċiżjoni dwar it-talba għal dibattitu dwar l-inkjesta pubbika fuq il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, l-Oppożizzjoni ħarġet mill-parlament għas-seduta tal-lum.

Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li ressaq mozzjoni fil-parlament biex il-parlament jaġġorna u jiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Air Malta wara li ċ-Chairman tal-Air Malta stess ikkonferma li sal-aħħar tas-sena l-Air Malta se tkun ingħalqet. Bernard Grech sostna li quddiem din id-dikjarazzjoni, is-sitwazzjoni timmerita dibattitu urġenti fil-parlament.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li l-gvern m’għandux problema li din il-kwistjoni tkjun diskussa fil-parlament la darba d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea jaslu fi tmiehom għliex dawn għadhom ma ntemmux.

Hu spjega li laqgħa oħra mal-Kummissjoni Ewropa se ssir 15-il ġurnata oħra fejn il-gvern se jippreżenta iktar imformazzjoni skont kif qed titlob il-Kummissjoni Ewropea. Għad fadal ħames punti li għad m’hemmx qbil dwarhom mal-Kummissjoni Ewropea, sostna l-Ministru Caruana, li kompla li l-gvern qed jagħmel dak kollu possibbli fl-interess tal-ħaddiema u tal-linja tal-ajru. Hu qal li l-gvern ma jistax jiddiskuti din is-sitwazzjoni f’dan l-istadju. Il-Kummissjoni Ewropea qed tevalwa aspetti differenti skont il-bażi tan-numri li l-gvern ikun qed jagħtiha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Ministru Caruana għadu kif ikkonferma li din hi kwistjoni ta’ natura urġenti fejn il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf b’qed jinħema minn wara dahar il-poplu. Il-familji involuti u l-poplu kollu għandhom dritt ikunu jafu dwar x’qed jiġri fil-linja nazzjonali ta’ Malta. Hu sostna li l-Kummissjoni Ewropea m’għadhiex tmmen iktar lill-gvern u għalhekk il-poplu għandu dritt ikun jaf is-sitwazzjoni x’inhi.

L-Ispeaker issospenda l-Kamra biex jagħti ruling.

Fir-ruling, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li minħabba li d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għadhom għaddejjin, m’hemmx urġenza għal diskussjoni għalkemm appella lill-Gvern u l-Oppożizzjoni biex isibu ħin għal dibattitu parlamentari dwar is-suġġett.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech intervjena u qal li hu ta’ għajb li l-parlament ma jridx jiddiskuti materji ta’ natura urġenti kif ġara fis-seduta tal-bieraħ meta l-parlament ma ddiskutiex talba biex jiddiskuti l-ftuħ ta’ inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Għalhekk, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Oppożizzjon tħoss li m’għandhiex tipparteċipa fid-dibattitu parlamentari u ħarġet mill-parlament.