Lokali

“Il-Gvern ma jridx li l-Parlament jiddiskuti l-għeluq tal-Air Malta” – PN

Hu ta’ għajb li l-Parlament Malti ma jridx jiddiskuti kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali, bħalma hi s-sitwazzjoni attwali fl-Air Malta u l-aħbar minn ħalq iċ-Chairman tal-linja nazzjonali tal-ajru nnifsu li l-Air Malta se tagħlaq sal-aħħar tas-sena.

U għax għall-Gvern ta’ Robert Abela hu aċċettabbli li għall-fallimenti tal-Gvern, il-poplu jitħalla jħallas l-eluf tal-miljuni, lanqas irid li l-Parlament jiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Air Malta.

Wara d-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Air Malta nnifsu li l-linja nazzjonali tal-ajru se tagħlaq sal-aħħar tas-sena, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ressaq Mozzjoni fil-Parlament biex l-Aġenda tal-Kamra tkun sospiża biex il-Parlament jiddiskuti dawn l-aħħar żviluppi ta’ importanza nazzjonali.

Iżda għall-Gvern ta’ Robert Abela dan mhux importanti, tant li ma laqax din it-talba. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ma ħassx li kellu jkompli jipparteċipa fil-ħidma parlamentari tal-ġurnata.