Internazzjonali

Il-konflitt fis-Sudan: L-ebda ħjiel ta’ waqfien mill-ġlied fost aktar mejtin u feruti f’Khartoum u l-madwar

Fallew l-aħħar sforzi diplomatiċi biex jieqfu l-battalji li ilhom għaddejjin mis-Sibt bejn l-Armata tas-Sudan u l-qawwiet ta’ grupp rivali ta’ paramilitari. F’dawn il-battalji mietu l-għexieren ta’ ġellieda u ċivili, bis-sorsi diplomatiċi jtennu li l-paramilitari tal-grupp Rapid Support Forces (RSF) kienu qegħdin jiċħdu l-offerti għall-waqfien mill-ġlied.

Sadanittant, aktar familji f’Khartoum qed jikkonfermaw li mgħandhomx ilma u dawl b’kaġun tal-ostilitajiet li qed ikomplu fil-kapitali Sudaniża u l-madwar. Dan ukoll meta l-ġellieda tal-RSF kienu qed jisirqu mid-djar u l-ħwienet f’xi zoni residenzjali tal-kapitali.

Fl-aħħar ħinijiet ukoll ħarġu r-rapporti li l-Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea fis-Sudan, Aidan O’Hara, spiċċa aggredit fid-dar tiegħu f’Khartoum, iżda ma jidhirx li hu kien ferut gravi.

Intant, komplew il-battalji qalb iz-zoni fil-periferiji tal-ajruport fiċ-ċentru ta’ Khartoum u minfejn instemgħu l-bumbardamenti kontinwi waqt li kienu telgħin id-dħaħen kbar mill-inħawi.

Il-ġlied baqa’ għaddej ukoll viċin il-kwartieri-ġenerali tal-Armata f’Khartoum, fost rapporti dwar il-preżenza ta’ tankijiet tal-gwerra u vetturi armati oħra f’numru ta’ toroq.

Min-naħa tiegħu, ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sudan, Volker Perthes, qal li jinsab f’kuntatt regolari maż-żewġ Ġenerali Sudanżi li l-qawwiet tagħhom qed jikkumbattu ma’ xulxin għall-kontroll, iżda ammetta li huma ‘qed jirrifjutaw li jkellmu lil xulxin jew li jissieħbu f’negozjati’.

Skont l-aħħar ċifri, il-mejtin waqt il-ġlied fis-Sudan issa qabżu l-200 – b’madwar 2,000 jispiċċaw midruba min-nhar is-Sibt ‘il hawn.

Il-konflitt inqala’ meta l-RSF tal-Viċi-Mexxej Sudaniż, Mohamed Hamdan Dagalo, qamu kontra l-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan, il-Mexxej attwali tas-Sudan, li għad għandu appoġġ minn fost ħafna taqsimiet tal-Armata.