Knisja Lokali

Il-ktieb ‘Spazju għal Qalbi – Beloved Space’ jinsab għall-bejgħ

Il-ktieb għat-tfal ‘Spazju għal Qalbi – Beloved Space’, maħruġ mit-taqsima Żvilupp Spiritwali fl-iskejjel fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, issa jinsab għall-bejgħ. Dan il-ktieb, li għandu 11-il storja miktuba minn Silvana Cardona, jikkonsisti fi stejjer qosra ta’ madwar 500 kelma. L-istejjer huma ambjentati f’Malta u jittrattaw dwar tfal u adulti li jesperjenzaw sitwazzjonijiet differenti f’ħajjithom.

Il-ktieb hu maħsub għat-tfal bejn it-tmien snin u t-12-il sena u l-iskop ewlieni tiegħu hu li qarrejja żgħar fl-età jkollhom ġabra ta’ stejjer qosra b’temi spiritwali li jistgħu jirrelataw magħhom, u li jħeġġuhom jirriflettu u jitolbu.

L-istejjer fil-ktieb huma ispirati minn spazji ta’ talb li jkunu animati mit-team tal-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel u minn ħafna edukaturi fi skejjel differenti li permezz ta’ dawn l-ispazji ta’ talb, wieħed jirrifletti u jitlob b’mod interattiv u kreattivi. Kull storja fil-ktieb hi kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Ma’ kull storja hemm QR Code li tieħu lill-qarrej biex
jisma’ l-istorja. Il-ktieb għandu tpinġijiet ta’ Mireille Tabone.

It-tnedija tal-ktieb saret ftit tal-ġranet ilu fil-binja tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fil-Ħamrun fil-preżenza tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu David Muscat, il-koordinatur tal-Iżvillup Spiritwali fl-Iskejjel Dun Reuben Gauci, id-Direttur taċ-Ċentru għal-Litteriżmu fl-Università ta’ Malta Charles L. Mifsud, l-animattriċi tal-qari Maria Farrugia u l-persuni li kienu involuti fil-ktieb inkluż tfal li qraw uħud mill-istejjer.