“Il-poplu Malti se jispiċċa jbati għad-deċiżjonijiet ħżiena li Gvern Laburista ħa… u dan se jseħħ billi l-Maltin u l-Għawdxin kollha se jħallsu l-biljuni ta’ ewro mit-taxxi tagħhom għall-falliment tal-Air Malta.”
Kien dan li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Ekonomija u ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, Ivan J. Bartolo, il-Kelliem għat-Turiżmu, Mario de Marco, u l-Kelliem għax-Xogħol u Marittimu, Ivan Castillo f’isem il-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-aħbar tal-falliment tal-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta.
Ivan J. Bartolo qal li lura fl-2012, Gvern Nazzjonalista kellu pjan ċar għall-futur tal-Air Malta, pjan li kellu jkun wieħed ta’ suċċess tant li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-pakkett finanzjarju għal din il-linja tal-ajru. Madanakollu, fl-ewwel sena ta’ tmexxija Laburista, dawn kissru dak kollu li l-Partit Nazzjonalista wettaq tant li l-pjan li ħareġ bih il-Partit Laburista ġie meqjus bħala wieħed ta’ falliment.
“Dan huwa falliment totali,” qal Bartolo. “Gvern Laburista li l-ewwel jgħaffeġ imbagħad iħalli lill-pajjiż jaffaċċja l-isfidi li dejjem qed jikbru u jkunu ta’ piż fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Nittama li se jkun hemm konnettività mal-Ewropa kif jixraqlu dan l-pajjiż għax jekk le, dan jimpatta lill-pajjiż u t-turiżmu.
Minn naħa tiegħu, Mario de Marco qal li Gvern Laburista taħt Joseph Muscat u Robert Abela warrbu l-pjan ta’ ristrutturar għall-vijabbiltà tal-Air Malta. Issa qed iqumu ħafna mistoqsijiet dwar il-futur tat-turiżmu minn u lejn pajjiżna hekk kif din il-linja tal-ajru kienet tgħaqdi lill-poplu Malti u Għawdxi lejn diversi destinazzjonijiet.
“Konsegwenza ta’ deċiżjonijiet bl-addoċċ ta’ Gvern Laburista qed naraw l-Air Malta li se tispiċċa tfalli għax ma rnexxilhomx jikkonvinċu lill-Kummissjoni Ewropea biex għal pakkett t’għajnuna tant meħtieġ,” qal de Marco. “Minħabba l-falliment tal-Gvern Laburista, l-Air Malta se jkollha tingħalaq.”
Ivan Castillo qal li ma’ l-Air Malta jaħdmu mat-300 ħaddiema, li issa se jispiċċaw jitilfu xogħolhom bla ma ngħataw post tax-xogħol ieħor. Dan wara li l-Unions ma kienux jafu b’dak li kien se jsir tant li saru jafu biss mill-media… wara li l-Ministru Clyde Caruana għażel li jaħbi l-verità dwar il-linja tal-ajru nazzjonali.
“Illum qed naraw Gvern Laburista li flok jaħdem favur il-ħaddiema, minflok jaħdem kontra l-ħaddiema,” qal Castillo. “Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ dejjem hemm għal kull Malti u Għawdxi biex jassigura li jagħti s-saħħa lill-ħaddiema kollha.
//= $special ?>