Qorti f’Moska ċaħdet l-appell tal-ġurnalista Amerikan Evan Gershkovich biex jinħeles mid-detenzjoni. Dan wara li Gershkovich kien spiċċa arrestat fil-belt ta’ Yekaterinburg waqt li kien qed jipprepara analiżi għall-gazzetta Wall Street Journal u fejn spiċċa akkużat dwar spjunaġġ.
Preżenti fl-awla tal-qorti kien hemm anki l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għar-Russja, Lynne Tracy, u wara li l-uffiċjali tal-Konslu Amerikan f’Moska, għall-bidu, kienu miċħuda minn aċċess għall-ġurnalista.
Gershkovich, li għandu 31 sena, kien arrestat fid-29 ta’ Marzu u kapaċi jeħel 20 sena priġunerija jekk jinstab ħati dwar spjunaġġ għad-danni tar-Russja.
Kelliema għall-Gvern Russu qalu li l-ġurnalista kien qed jipprova jikseb informazzjoni klassifikata dwar id-difiża ta’ pajjiżhom biex jgħaddiha lill-Gvern Amerikan – b’Gershkovich qed jiċħad li dan hu minnu.
L-arrest tiegħu hi l-ewwel darba li Moska akkużat ġurnalista Amerikan dwar spjunaġġ miż-żmenijiet tal-Unjoni Sovjetika komunista.
//= $special ?>