Fi stqarrija li nħarġet mid-deputati Nazzjonalista Ivan Castillo, l-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu, u Ivan Bartolo, l-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, intqal li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-impjegati tal-Awtorità tad-Djar għad-diżappunt tagħhom li l-Gvern ta’ Robert Abela m’ghandux flus għall-ħaddiema. Dan wara li l-Gvern għad irid jagħti l-kontroproposti tiegħu għall-ftehim kollettiv ta’ din l-awtorità.
Illum il-UĦM Voice of the Workers ordnat azzjoni industrijali f’isem il-ħaddiema wara li għal darb’oħra, ftit jiem biss qabel iċċelebra Jum il-Ħaddiem, il-Gvern naqas milli jżomm il-wegħdiet elettorali tiegħu mall-ħaddiema, naqas milli jsib bilanċ u falla kompletament lill-ħaddiema Maltin. In-negozjati ilhom għaddejjin xhur sħaħ u l-Gvern iddeċieda li jinjora lill-ħaddiema. Hi gidba li l-Labour għandu għal qalbu lill-ħaddiema.
Fl-aħħar għaxar snin, smajna ħafna sitwazzjonijiet fejn il-Gvern tal-Labour kien irresponsabbli b’fondi pubbliċi, fejn ingħataw aktar minn €400 miljun għall-kumpaniji barranin, f’kuntratt frawdolenti għal tliet sptarijiet tal-poplu, fejn Deputati tal-Labour u dawk qrib Robert Abela tħanżru minn fuq dahar il-poplu. U issa m’għandhomx flus għall-ħaddiema.
Dan mhux Gvern tal-ħaddiema u lanqas gvern Laburista jew gvern Soċjalista. Hu l-anqas gvern tal-ħaddiema li qatt kien hawn fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jkun spalla ma’ spalla ma’ dawn il-ħaddiema li ġew injorati mill-Gvern, filwaqt li jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-ħaddiema kollha. Il-Partit Nazzjonalista hu l-vera dar naturali tal-ħaddiem u se jkompli jagħti s-Saħħa lill-Ħaddiem.
//= $special ?>