Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kellu ‘l fuq minn 40 qartas droga fi ġnien pubbliku fil-Marsa

Raġel mill-Ghana inżamm arrestat fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga wara li nstab fil-pussess ta’ ‘l fuq minn 40 qartas droga fi ġnien pubbliku fil-Marsa. Uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jagħmlu rondi fl-inħawi ta’ Triq Diċembru 13, arrestaw lir-raġel fuq suspett ta’ pussess ta’ droga nhar il-Ħadd li għadda.

Skont l-Ispettur Kathleen Zerafa li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni, meta l-Pulizija resqu lejn il-ġonna pubbliċi fi Triq Patri Felicjan Bilocca, ir-raġel kien innotahom u pprova jaħrab. Madankollu, l-uffiċjali qabduh ftit wara. Waqt il-ġirja, ftit qratas li kien fihom sustanza ħadra kienu waqgħu mill-ġakketta tiegħu u aktar tard ġew irkuprati mill-Pulizija.

Fil-bwiet tal-ġakketta nstabu 40 qartas ieħor. Taħt interrogazzjoni, is-suspettat fil-bidu sostna li d-droga kienet maħsuba għall-użu tiegħu stess, iżda aktar tard stqarr li kienu biex ibiegħhom. Il-qratas kien fihom marijuana sintetika u cannabis, bi 22 u 18-il pakkett rispettivament, qalet l-Ispettur.

Ir-raġel qal lill-Pulizija li ppjana li juża l-flus biex jivvjaġġa lejn l-Italja. Huwa ma kellu l-ebda dokument ta’ identifikazzjoni fil-pussess tiegħu, ħlief ritratt ta’ karta tal-identità Taljana, li spjega li kien tilef il-passaport u l-kartiera li fiha jżomm id-dokumenti tiegħu.

Ir-raġel ġie identifikat bħala Nuhu Mohammed, Bennej ta’ 32 sena. Fil-Qorti, Mohammed qal li bħalissa jinsab bla xogħol. Il-Maġistrat informa lil Mohammed li kien mixli li kien fil-pussess ta’ marijuana u drogi sintetiċi f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux maħsuba għall-użu personali tiegħu fil-ħin tal-arrest tiegħu fis-16 ta’ April għall-ħabta tal-4:45pm.

Huwa kien akkużat ukoll li m’obdiex ordnijiet legali tal-Pulizija. L-imputat wieġeb li kien fehem l-akkużi, u wara l-Maġistrat informa lir-raġel bid-dritt tiegħu għas-silenzju. L-avukat difensur Alfred Abela informa lill-Qorti li l-imputat ma kienx se jwieġeb mistoqsijiet dwar il-post ta’ residenza tiegħu f’dan l-istadju.

F’isem Mohammed, l-avukat tiegħu wieġeb mhux ħati, fejn informa lill-Qorti li d-difiża f’dan l-istadju mhux se tkun qed titlob il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat li l-atti tal-kawża jintbagħtu lir-reġistratur sabiex jiġu assenjati lil Maġistrat skont il-liġi.