“Kelli xi tlieta jew erba’ klijenti għall-kumpaniji li ftaħt; u jista’ jkun li 17 Black setgħet kienet waħda mill-klijenti”.
Hekk stqarr l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri meta t-Tlieta deher għat-tieni darba quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li qed jinvestiga l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas – kuntratt li kien kundannat anke mill-Awditur Ġenerali.
Keith Schembri xehed li kien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li ressaq il-proposta dwar il-power station tal-gass.
Mistoqsi dwar il-fatt li Konrad Mizzi kien qallu li kull ma jmiss isir deheb, Keith Schembri wieġeb li ma jiftakarx meta qallu dan id-diskors għax qallu hekk xi għaxar darbiet… għalkemm qal li l-Partit Laburista kien diġà fil-gvern meta kellmu. Hu kompla li l-aktar li kien jiltaqa’ ma’ Konard Mizzi kien fil-kuriduri ta’ Kastilja meta kienu jaħbtu ma’ xulxin u li qallu hekk għax ried jimxi fuq il-passi tiegħu biex wara li joħroġ mill-politika jsir sinjur bil-kuntatti li jkun bena fil-politika.
“Jien qatt ma ridt naqla’ flus minn fuq il-gvern”, sostna Keith Schembri, u żied jgħid li hu kien fetaħ xi sitt kumpaniji – għalkemm Tillgate u Hearnville ma kienux għall-istess skop u lanqas infetħu flimkien.
Keith Schembri ikkonferma li hu qatt m’għamel xejn minn wara dahar Joseph Muscat ….iżda fl-istess waqt saħaq ukoll li hu ma kienx informa lil Muscat li kien bagħat lil Konrad Mizzi għand Nexia BT biex jiftaħ il-kumpaniji.
Dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama, Schembri qal li ma jiftakarx min kienu l-benefiċċjarji tagħhom. Filwaqt li insista: “ma nafx għalxiex inħolqu”.
Meta mfakkar li l-aħħar darba kien qal li Egrant ma jafx ta’ min hi, u llum qed jgħid li mhi ta’ ħadd, Keith Schembri sostna li qal li ma jafx ta’ min hi…imma:
“l-Egrant bilfors hi ta’ xi ħadd. Meta rreġistrawha Nexia..bilfors hi ta’ xi ħadd hemm. Ma ntużatx.”
għaliex skontu, “ma użahiex” u “mhi ta’ ħadd“.
Mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet ta’ relazzjonijiet bejn 17 Black u l-Electrogas, Keith Schembri saħaq li ma jiftakarx jekk kienx tkellem ma’ Joseph Muscat dwarhom…. jew jekk kienx kellmu Konrad Mizzi. Hu kompla billi qal li hu għadu jemmen li ma sar xejn ħażin fil-power station; għalkemm jiddispjaċih li baqa’ fil-politika.
L-ex Chief of Staff ċaħad li kien għadda xi informazzjoni lill-benefiċċjarju ta’ 17 Black. Hu ma weġibx ‘fuq bażi ta’ sigurtà’ x’passi ttieħdu wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment ta’ Yorgen Fenech bħala suspettat. Keith Schembri sostna li ma jiftakarx u żied jgħid li l-Panama Papers qatt ma kienu diskussi fil-kabinet.
Intant, dan il-grilling tal-PAC se jissokta nhar it-Tlieta 25 t’April.
//= $special ?>