Lokali Parlament

Keith Schembri jsostni li 17 Black “setgħet” kienet waħda mill-klijenti tal-kumpaniji tiegħu

Keith Schembri, l-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, xehed fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li l-kumpanija 17 Black “setgħet” kienet waħda mill-klijenti fil-kumpanija li kien fetaħlu Karl Cini tan-Nexia BT.

Keith Schembri kompla jixhed għal madwar sagħtejn fit-tieni seduta ta’ xhieda tiegħu tal-PAC li qed jinvestiuga l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Fis-sedta tal-PAC, għall-gvern attendew il-Whip Laburista Andy Ellul, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Genn Bedingfield u Omar Farrugia. L-ebda wieħed minn dawn id-deputati m’għamel mistoqsija lil Keith Schembri.

Għall-Oppożizzjoni pparteċipaw il-President tal-PAC u deputat Nazzjonalista Darren Carabott u d-deputati Nazzjonalisti David Agius u Graham Bencini.

Keith Schembri xehed li ż-żewġ partiti jaħdmu b’mod differenti dwar il-proposti elettorali tagħhom fejn fil-PL, jkun il-Kap tal-Partit li “jħabbat l-idea”. Hu kompla li għalhekk kien Joseph Muscat li ressaq il-proposta dwar il-power station tal-gass għalkemm din kienet deċiżjoni ovvja li pajjiż imur għall-gass għaliex din kienet traħħas il-kontijiet.

L-ex Chief of Staff Keith Schembri kompla fil-kuntest ta’ wiegħdi elettorali Laburisti oħra, din il-wiegħda tal-power station tressqet bl-istess mod li bih saru wiegħdi oħra. Dwar il-costings tal-power station, kienu Konrad Mizzi u David Galea li kien qed jikkomunikaw flimkien ma’ Louis Grech, sostna Keith Schembri, li żied li kollox kien koordinat ma’ Joseph Muscat.

Mistoqsi dwar il-fatt li Konrad Mizzi kien qallu li kull ma jmiss kien isir deheb, Keith Schembri wieġeb li ma jiftakarx meta qallu dan id-diskors Konrad Mizzi għalkemm il-PL kien diġà fil-gvern meta kellmu. Hu kompla li l-aktar li kien jiltaqa’ ma’ Konard Mizzi kien fil-kurituri ta’ Kastilja meta jaħbtu ma’ xulxin.

“Qalhieli xi 10 darbiet din Konard Mizzi, li kull ma mmiss isir deheb”, sostna Keith Schembri, li kompla li dan kien ifisser li wara li joħroġ mill-politika kull ma jmiss isir deheb bil-kuntatti li jibni fil-politika.

Keith Schembri qal li, dwar dan, ma kienx tkellem mal-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex ħafna nies oħra qalulu l-istess affarijiet dwar kif isiru sinjuri. Hu sostna li ma kienx fl-ewwel ġimgħa li nfetħu l-kumpaniji sigrieti.

“Jien qatt ma ridt naqla’ flus minn fuq il-gvern”, sostna Keith Schembri, li kompla li hu kien fetaħ xi sitt kumpaniji għalkemm Tillgate u Harnville ma nfetħux flimkien għal skopijiet differenti.

Keith Schembri kompla li hu qatt m’għamel minn wara dahar Joseph Muscat u żied li ma kienx informa lil Muscat li kien bagħat lil Konrad Mizzi għand Nexia BT biex jiftaħ il-kumpaniji. Hu sostna li ma kellux kitchen cabinet fil-gvern Laburista u spjega li kien sar jaf lil Konrad Mizzi f’Novembru 2012.

L-ex Chief of Staff qal li l-kumpaniji sigrieti ma nfetħux għalihom iżda għax kien jiftħu kumpaniji offshore u jitħallew hemm. Ma’ nafx min huma l-benefiċċjarji tagħhom u ma nafx għalxiex inħolqu, sostna Keith Schembri, li kompla li kellu relazzjoni tajba ma’ Konrad Mizzi għax kien uffiċċju ftit bogħod minnu.

Keith Schembri kompla li ma tagħmilx sens li l-ex Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma kienx involut fid-diskussjonijiet dwar il-power station, anki jekk Edward Scicluna iddikjara li ma kienx involut fid-diskussjonijiet dwar il-power station. Edward Scicluna u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi Alfred Camilleri kien informati u kien anki jattendi għall-kabinet, sostna Keith Schembri, li kompla li l-fiannzi tal-power station kollha għaddew minn taħt Alfred Camilleri.

Mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet ta’ relazzjonijiet bejn 17 Black u l-Electrogas, ix-xhud qal li ma jiftakarx jekk kien tkellem ma’ Joseph Muscat dwarha jew jekk kien kellmu Konrad Mizzi. Ix-xhud kompla li għadu jemmen li ma sar xejn ħażin fil-power station għalkemm jiddispjaċih li baqa’ fil-politika.

Keith Schembri kompla li ma jafx li l-kljenti ta’ 17 Black kienu Tillgate u Harnville u sostna li meta fetħu l-kumpaniji intlaqilhom li ried ikollhom ċertu ammonti ta’ flus fil-kontijiet bankarji. Muri email tal-2015 ta’ Karl Cini ta’ Nexia BT lil Mossack Foneska, Keith Schembri qal li Karl Cini ma kienx kellmu fuq $1 miljun depożitu fil-kontijiet. Ma kontx naf biha, sostna Keith Schembri, li kompla li Karl Cini ma kienx qed jirrefri għalih meta semma’ ‘klijenti’.

Ix-xhud sostna li ma jafx meta qal lil Karl Cini biex jiftaħlu l-kumpaniji u żied li hu kien se jitlaq mill-politka fl-2016 meta kellu l-ewwel cancer iżda Joseph Muscat qallu biex jibqa’. “Kelli xi tlieta jew erba’ klijenti għall-kumpaniji li ftaħt; 17 Black setgħet kienet waħda mill-klijenti tiegħu. Jista’ jkun”, sostna Keith Schembri.

Ix-xhud kompla li kien se jitlaq fl-2016 minn Kastilja kelli nibqa’ minkejja li tajt erba’ riżenji. Hu kompla li l-pjan kien se jaħdem fuq riċiklaġġ f’Bangladesh u żewġ affarijiet oħra li nesa’ x’kienu. M’hemm l-ebda konnessjonijiet ma’ Egrant; kulħadd jaf li Egrant mhi ta’ ħadd. Egrant bilfors li hi ta’ xi ħadd iżda qatt ma kienet użata, sostna Keith Schembri.

Ix-xhud kompla li jista’ jkun li Tillgate kellha lil 17 Black bħala klijenti tagħha u sostna li “ilni tliet snin ma jistax juża karta ta’ kreditu jew jagħmel trasferiment banakrju”. Tillgate illum hi magħluqa, sostna x-xhud, li kompla li fl-email imsemmija ma jidhirx ismu u għalhekk ma kienx qed jippjana $2 miljuni fis-sena.

Ma nafx jekk fl-2015 kontx naf b’Tillgate u Harnville, sostna Keith Schembri, li kompla li kien talab informazzjoni mingħand Mossack Fonseca iżda ma ngħatax. Mistoqsi dwar email ta’ Karl Cini lil Mossack Fonseka li tinkludi wkoll il-passaport diplomatiku tiegħu f’rapport ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri qal li jweġġa’ meta jkunu pubblikati affarijiet li fihom kienu ippubblikati r-rekords mediċi tiegħu. Keith Schembri qal li m’għaddiex il-passaport lil Nexia BT u rrimarka li Nexia BT kellhom il-passaport tiegħu.

Ix-xhud qal li għall-kumpaniji tiegħu kien juża l-passaport diplomatiku tiegħu. “Naħseb li jien għaddejtulhom il-passaport… imma fuq Tillgate m’għaddejtulhomx”, sostna x-xhud li żied li hu kien tahom kunsens għal Malta iżda mhux għall-Panama. “Jien tajt kunsens lil Nexia BT biex jiftħu trust fi New Zealand”, sostna x-xhud, li kompla li dan sar kollu meta kien Chief of Staff.

Ix-xhud qal li ma jafx meta tkellem ma’ Yorgen Fenech biex jagħmel negozju jew jekk kien kienx Yorgen Fenech li kellmu.

Keith Schembri qal li ma jiftakarx jekk awtorizzax lil Nexia BT biex jiftħu l-kumpanija fil-Panama jew jekk jixtrux ishma. Ix-xhud qal li ma jafx kif in-nutar ikkonferma li l-kopja tal-passaport hi tiegħu; “ma nafx kellix passaport ieħor minbarra dak diplomatiku”.

L-ex Chief of Staff ċaħad li kien hemm l-intenzjoni li jidħlu fondi pubbliċi fil-kumpaniji li waqqaf, “kif jafu l-pulizija li fetħu l-kumpaniji kollha… f’Malta u barra… li kellu lill-Pulizija Maltija”. Hu qal ma kienx staqsa għaliex il-kumpanija kienet infetħet il-Panama għaliex il-flus kienu se jmorru fit-trust fi New Zealand.

Keith Schembri kompla jixhed li Harnville u Tillgate ma kienux klijenti ta’ 17 Black minkejja l-emails li hemm. Hu ma weġibx kif il-kumpanija tiegħu u ta’ Konrad Mizzi kellhom lil 17 Black bħala klijenti tagħhom.

Bħala Chief of Staff, Keith Schembri kkonferma li kien jattendi laqgħat bejn il-Prim Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija meta kien ikun mistieden iżda ċaħad li kienx għadda xi informazzjoni lill-benefiċċjarju ta’ 17 Black. Ix-xhud ma weġibx ‘fuq bażi ta’ sigurtà’ x’passi ittieħdu wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment ta’ Yorgen Fenech bħala suspettat. Keith Schembri qal li ma jiftakarx u żied li l-Panama Papers qatt ma kienu diskussi fil-kabinet.

Ix-xhud qal li Joseph Muscat ma kienx aċċetta li hu jirriżenja minkejja li hu ta r-riżenja tiegħu diversi drabi u żied li hu qatt ma kellu kont bankarju fil-Panama. Keith Schembri qal li kien iltaqa’ darbtejn mal-uffiċjal tal-Pulizija Ian Abdilla u sostna li fuq l-Electrogas ma kienx tkellem mal-uffiċjal tal-Pulizija Silvio Valletta.

“Ma ppruvajtx ngħid lil Silvio Valletta biex ma jmux għand Yorgen Fenech”, xehed Keith Schembri, minkejja li Silvio Valletta xehed fl-inkjesta li Keith Schembri kien qal li Keith Schembri fil-fatt kellmu. Il-gideb li intqal fl-inkjesta pubblika…. kulħadd qal li jaqbillu, sostna Keith Schembri, li ma weġibx jekk kienx baqa’ f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech għalkemm ċaħad li kien kellmu dwar l-Electrogas.

Dwar it-telefonata biex Yorgen Fenech ma jaħrabx mill-pajjiż, Keith Schembri qal li l-gvern ma kienx preokkupat minħabba li kien hemm il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhieda ta’ Keith Schembri se tkompli fis-seduta ta nhar it-Tlieta li ġej.