Basketball Sport

Knock-out BOV – Irġiel Finali: Starlites FIJO bit-tielet unur tal-istaġun

Colin Schembri

Starlites FIJO…………………………..112

Mellieħa Libertas Spalding………86

(25-24)(25-22)(31-29)(31-11)

B’wirja mill-aqwa speċjalment fl-aħħar taqsima u quddiem numru sabiħ ta’ partitarji, Starlites FIJO għelbu lil Mellieħa Libertas 112-86 biex rebħu t-tielet unur tagħhom għal dan l-istaġun u l-ewwel Knock-Out fl-istorja tagħhom. Il-partita kienet missielta speċjalment sa’ tmiem it-tielet sessjoni fejn sitt punti biss kienu jifirdu liż-żewġ timijiet. Starlites kellhom bidu tajjeb speċjalment bi tlett three pointers minn Ian Felice Pace u l-punti ta’ ħuh Alec flimkien ma’ Zekiah Owens. Għal Mellieħa kien hemm il-punti minn David Bugeja, Vukassin Jandric u Sebastien Valencia għal skor ta’ 18-15. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin fejn Starlites żammew il-vantaġġ 25-24 minkejja aktar trippli minn Jandric u Valencia għal Mellieħa. Fit-tieni sessjoni kien hemm bidu tajjeb minn Starlites fejn three pointers minn Matthew Scerri u Alec Felice Pace flimkien ma’ Jacob Bates biex kabbru l-vantaġġ għal 11 -il punt 39-28. Wara time-out, Mellieħa rnexxielhom jirkupraw u għamlu run ta’ 12-2 kollha minn Valencia u David Bugeja biex naqqsu d-distakk għal punt 46-47. Starlites għalqu s-sessjoni b’punti minn Felice Pace u Matthew Attard u daħlu jistrieħu 50-46 minn fuq.

Wara l-intervall, Mellieħa fetħu bi trippla ta’ Jandric iżda pronta kienet ir-risposta ta’ Starlites, ukoll bi three pointers minn Scerri u Attard biex baqgħu 8 minn fuq 59-51. It-taqsima kompliet bil-punti ġejjin fuq iż-żewġ naħat biex fis-sitt minuta basket ta’ Owens ħalla lil Starlites 75-63 minn fuq. Mellieħa wieġbu b’ħames punti mingħajr risposta però Starlites kellhom żewġ trippli oħra minn Kurt Xuereb u Miguel Fabri però Mellieħa għamlu seba’ punti konsekuttivi biex naqqsu d-distakk għal sitt punti 81-75. Fl-aħħar taqsima, Starlites kellhom bidu mill-aqwa meta għamlu 11-il punt mingħajr risposta maqsuma bejn Darius George u Felice Pace biex marru 17 minn fuq 92-75. Mellieħa kellhom żewġ baskets minn David Bugeja però Starlites komplew jiddominaw u trippla ta’ Attard rathom jaqbżu l-mitt punt 102-81. Il-partita kienet f’idejn il-players ta’ Paul Ferrante li temmewha b’run oħra ta’ 10-2 u ħarġu rebbieħa 112-86. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana flimkien ma’ Kevin Azzopardi Segretarju tal-Kumitat Olimpiku Malti u Stefan Vella f’isem il-Bank of Valletta ppreżentaw il-medalji lil players ta’ Starlites u l-unur tal-MVP lil Zekiah Owens. Finalment, Alec Felice Pace għolla t-trofew fost il-briju tal-partitarji ta’ Starlites hekk kif issa l-attenzjoni ddur fuq il-finali tal-kampjonat bejn dawn iż-żewġ timijiet li tibda l-Ħamis li ġej.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 18, Z. Owens 15, M. Attard 13, J. Bates 6, I. Felice Pace 9, M. Fabri 7, L. Riolo 2, M. Scerri 11, R. Carabott, K. Xuereb 3, N. Sultana 2, D. George 26.

Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon, D. Bugeja 19, R. Bonnici 2, V. Jandric 20, I. Bonett 2, N. Bukva 10, N. Jovanovic 2, M. Formosa 2, O. Said, S. Valencia 29.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.