Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri kkonfermat sentenza ta’ sena ħabs fil-konfront ta’ Jason Zammit ta’ 40 sena minn Victoria, Għawdex kien ordnat iħallas €11,000 u jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità bla ħlas, liema xogħol m’għamlux b’mod komplet.
L-Ewwel Qorti kienet ordnatlu biex jagħmel dan ix-xogħol flok tibgħatu l-ħabs wara li nstab ħati li approprija ruħu u dawwar bi profitt għalih erba’ quad-bikes li ġew fdati lilu seba’ snin ilu. Zammit li jmexxi ‘showroom’ tal-karozzi kien ingħata sentenza ta’ ħabs wara li naqas mill-jaderixxi mal-ordni tal-Qorti u jagħmel l-imsemmija sigħat favur il-kommunità.
Il-każ imur lura għal Lulju 2008 meta Zammit kien beda jagħmel qligh minn erba’ ‘quad-bikes; bil-valur ta’ aktar minn €2,300-il wieħed. Il-‘quad-bikes’ ġew fdati lilu. Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud kien qal li l-Qorti tqis li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, Zammit għandu jpatti ta’ għemilu mhux biss li jrodd il-valur fi flus tal-oġġetti kollha li għamel tiegħu, iżda qieset li jkun aħjar li jkompli jaħdem u b’hekk ikollu minn fejn ikompli jħallas lill-vittmi l-bilanċ kollu tal-flus tal-oġġetti meħuda minnu.
Mill-banda l-oħra, il-Qorti kienet qalet li huwa meħtieġ li l-ħati jifhem kemm huwa ħażin dak li għamel u li għalih issa jrid iħallas is-soċjetà li huwa offenda bir-reat tiegħu. L-istess Qorti kienet ordnat lil Zammit biex jagħmel 200 siegħa xogħol ma’ min hu fil-bżonn bla ma jitħallas tiegħu u fl-istess ħin ma jkunx ta’ aktar piż fuq is-soċjetà.
Minkejja din l-ordni Zammit naqas milli jagħmel is-sigħat kollha u f’Novembru ta’ erba’ ilu l-Qorti kienet ikkundannatu sena ħabs. Fl-appell hu qa li kellu biss jeħel multa. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, semgħet kif kien beda jagħmel xogħol fl-inħawi ta’ Ta’ Pinu.
Madankollu, ma bediex juri motivazzjoni u għalhekk ġie assenjat li jkomplu l-ordni ta’ servizz fil-komunità fil-“Government Experimental Farm” fix-Xewkija. F’perjodu ta’ tliet snin huwa ma kienx lesta s-sigħat kollha u lanqas kien iżomm mal-orarju.
Zammit qal li kien hemm ċirkostanzi fejn ma setax jattendi għax kien ma jiflaħx. Madankollu, ma ppreżenta ebda ċertifikat mediku. Ħareġ mill-provi li kien fadallu jagħmel 18-il siegħa biss, fejn qal li ma setax jaħdimhom għax beda jbati mill-pressjoni għolja u ma bediex iħossu tajjeb.
Fl-2020, wara li kien ingħata s-sentenza ta’ sena ħabs, l-avukat tiegħu qal li kien ħadem it-18-il siegħa li kien fadallu. Madankollui, l-Qorti tal-Appell, innotat kif ma ppreżenta ebda ċertifikat mediku u qalet li l-imputat kellu jkun grat li fis-sentenza tagħha l-Ewwel Qorti kkundannatu jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità. Qalet li mhux talli wera li ma kienx grat, tali anqas ra kif jagħmel biex jaħdem is-sigħat kollha. Qalet li meta l-Qorti tagħti sentenza dik għandha tiġi osservata u għalhekk ikkonfermat is-sentenza ta’ sena ħabs.
//= $special ?>