Xhur ilu, Net News kien tefa’ dawl fuq il-manuvri li kienu għaddejin biex tingħalaq l-AirMalta. Dak iż-żmien il-Gvern kien injora r-rapporti, u prova jindika li mhux veritieri.
Issa, tasal il-konferma li l-Gvern sal-aħħar ta’ din is-sena se jkun għalaq l-AirMalta darba għal dejjem.
Fi kliem sempliċi, il-Labour se jkun mar mill-ftaħir ta’ Konrad Mizzi dwar “kumpanija li għamlet profitt” għad-deċiżjoni ta’ Robert Abela li jagħlaq il-linja nazzjonali tal-ajru.
Net News kien ilu minn Otturbu jitfa’ dawl fuq il-manuvri ta’ Robert Abela, wara li l-Prim Ministru naqas milli jippreżenta pjan konvinċenti lill-Kummissjoni Ewropea. Biex b’hekk il-Labour se jkun kisser il-ħolma li bena l-Perit Mintoff snin ilu; u bil-Gvern ma joffri ebda soluzzjoni konkreta għall-ftit ħaddiema li baqa’ fil-kumpanija.
It-Times dalgħodu kwotat liċ-chairperson David Curmi li minn naħa tiegħu spjega kif se tinħoloq kumpanija oħra flok l-AirMalta.
Sal-2012, il-linja nazzjonali Maltija kellha pjan ċar maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. Tant li Gvern Nazzjonalista kien ta injezzjoni ta’ miljuni biex il-kumpanija tqum fuq saqajha. Iżda minn dak iż-żmien – taħt Joseph Muscat u Robert Abela – ħadd ma jaf fiex spiċċa dan il-pjan, bl-AirMalta tmur il-baħar finanzjarjament.
//= $special ?>