Lokali

L-infermieri u l-qwiebel ma japprovawx il-ftehim settorjali li propona l-Gvern

97.6% tal-infermieri u l-qwiebel jivvutaw kontra l-proposti tal-Gvern

F’vot li ttieħed it-Tlieta tard filgħaxija, l-infermieri u l-qwiebel ivvutaw kontra l-ftehim settorjali kif propost mill-Gvern.

Il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja għall-infermieri u l-qwiebel issejħet mill-MUMN it-Tlieta filgħaxija. DIn saret sabiex il-membri stess jagħżlu jekk il-Ftehim Settorjali mgħoti mill-Gvern hux aċċettabbli jew le Għal din il-laqgħa attendew total ta’ 804 membru li minnhom 785 ivvutaw kontra filwaqt li 8 ivvutaw favur. Kien hemm ukoll 11-il membru li astjenew.

Fl-ewwel kummenti tiegħu l-President tal-MUMN Paul Pace qal li dan kien l-ikbar turnout li qatt ġie reġistrat f’laqgħat ta’ dan it-tip sa mill-1996.

Il-Kunsill tal-MUMN sejjaħ din il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja għall-infermieri u l-qwiebel biex ikunu huma li jagħżlu jekk il-Ftehim Settorjali mgħoti mill-Gvern hux aċċettabli jew le. Sakemm sar dan, l-MUMN kienet ħabbret li se ssospendi l-azzjonijiet industrijali marbuta ma’ dan il-proċess.

Il-ġimgħa li għaddiet l-MUMN qalet li l-“Gvern baqa’ jdeffes rasu fir-ramel u ma jridx isib soluzzjoni għal din il-kwistjoni.” Qalet li “l-Gvern qed jikkuntenta li jkollu sistema tas-saħħa fraġli minflok jipprova jsaħħaħ u jimmotiva lill-professjonisti tas-saħħa fix-xogħol tagħhom mal-pazjenti. U fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern għalaq il-bieb f’wiċċ l-infermiera u l-qwiebel.”

Issa, wara li ttieħed dan il-vot, id-diskussjonijiet bejn l-MUMN u l-Gvern iridu jerġgħu jsiru, sabiex l-infermieri u l-qwiebel jingħataw ftehim settorjali ġdid.