Young Parliamentarians huwa programm edukattiv non-formali għall-studenti tad-9, l-10 u 11-il sena li jwassal għall-tournament ta’ dibattiti bejn skejjel differenti. Il-programm, maqsum f’ żewġ fażijiet u huwa mmexxi minn ħaddiema taż-żgħażagħ tal-Aġenzija Żgħażagħ. Matul l-ewwel fażi, permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet, il-parteċipanti jitgħallmu ħiliet ta’ kif jippreżentaw l-ideat tagħhom b’mod perswassiv, kif jirribattu argument u kif jiktbu rakkomandazzjonijiet fuq temi kurrenti. Uħud minn dawn it-temi se jintużaw fit-tieni fażi. Din is-sena kien hemm madwar 200 żagħżugħ u żagħżugħa minn 22 skola li pparteċipaw.
Minbarra li l-istudenti jiggwadanjaw ħiliet fit-taħdit fil-pubbliku, qsim ta’ ideat, lobbying u dibattiti, huma wkoll iżidu l-għarfien tagħhom dwar ċittadinanza responsabbli u jkunu mħeġġa biex jieħdu interess aktar attiv fil-proċess demokratiku.
Is-sessjoni finali seħħet fit-23 ta’ Marzu fil-Parlament, immexxija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. L-iskejjel Kulleġġ Santa Margerita Verdala u Kulleġġ Santa Tereża kellhom jiddiskutu l-mozzjoni “Il-Kamra tirrakkomanda li dawk iż-żgħażagħ li huma eliġibbli biex jivvutaw għall-ewwel darba f’elezzjoni jridu jattendu b’mod obbligatorju għal taħriġ li jippreparahom bħala votanti”. Il-Kulleġġ Santa Margerita kellhom jiddibattu favur il-mozzjoni filwaqt li l-Kulleġġ Santa Tereża kellhom jiddibattu kontra l-mozzjoni.
L-istudenti tas-Sekondarja Kulleġġ Santa Margerita rebħu s-sezzjoni li għaddiet, fejn ingħataw trofew ta’ Young Parliamentarians, kif ukoll is-somma ta’ €750. L-istudenti ta’ Santa Tereża irċevew is-somma ta’ €250 talli spiċċaw fit-tieni post. Ingħata wkoll trofew lill-aqwa dibattur, kif ukoll ċertifikati lill-istudenti li waslu għas-semi finali.
//= $special ?>