Internazzjonali

L-Ukrajna: Vladimir Putin jiltaqa’ mal-kmandanti militari Russi f’Kherson

Il-President tar-Russja Vladimir Putin, kontra kull mistenni, żar bnadi ta’ Kherson li huma okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin u fejn sema’ r-rapporti tal-kmandanti militari tiegħu dwar l-iżviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna.

Iż-żjara ta’ Putin kienet intiża biex jgħolli l-moral tas-suldati li tilfu numru ta’ battalji importanti mal-qawwiet Ukreni u hemm ukoll indikazzjonijiet li ż-żjara tiegħu kopriet ukoll xi zoni fir-reġjun ta’ Luhansk.

Ir-Russja, xhur ilu, kienet iddikjarat Kherson u Luhansk bħala estensjoni tat-territorju tagħha u liema dikjarazzjoni ma kenitx aċċettata mill-Gvern tal-Ukrajna u l-komunità internazzjonali

Dawn it-tipi ta’ żjarat mill-Mexxej Russu huma rari u  Mykhailo Podolyak, konsulent għall-President Ukren Volodymyr Zelensky, bagħat messaġġ biex jgħid li ‘Putin żar it-territorji meqruda (tal-Ukrajna)  biex jara għall-aħħar darba r-reati kontra l-bniedem li wettqet l-Armata tiegħu’.

Sadanittant, qed jingħad li Vladimir Putin qed juri interess speċjali fis-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia li r-Russi qed jinkluduh ukoll bħala parti mit-territorju ta’ pajjiżhom.

Fost il-kummenti tiegħu waqt iż-żjara fl-Ukrajna, Putin informa lill-kmandanti militari li ‘hu importanti għalih li jisma’ l-opinjoni tagħhom dwar kif il-gwerra qed tiżviluppa, fost l-iskambju kontinwu ta’ informazzjoni.’

It-truppi Russi rtiraw mill-belt ta’ Kherson is-sena l-oħra bir-riżultat li tilfu l-unika kapitali ta’ reġjun Ukren li rnexxielhom jaħtfu mindu l-Armata tal-Kremlin invadiet lill-Ukrajna fi Frar tal-2022. Madankollu, hemm ukoll xi zoni tar-reġjun li għadhom taħt il-kontroll tar-Russja.