Raġel ta’ 47 sena li l-Pulizija qalet li għandu l-vizzju tal-kokaina crack inżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika. L-imputat, li qal lill-Qorti li kien jaħdem bħala xufier, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi li wassal allegata vittma biża’ li kienet se tkun suġġetta għal vjolenza, fastidju, insulti lil terza persuna, ksur ta’ ordni ta’ trażżin, ksur ta’ sentenza sospiża, ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni, u ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.
Il-Qorti ntalbet ukoll toħroġ ordni ta’ protezzjoni u, jekk meħtieġ, ordni ta’ trattament. L-Ispettur Omar Zammit qal lill-Qorti li fis-16 ta’ April, l-eks sieħba tal-imputat u omm ibnu kienet irrapportat lit-taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija li r-raġel kien mar fuq il-post tax-xogħol tagħha, attakkaha u heddidha, fejn allegatament sostna li ma kienx. ra lil binhom minħabba fiha.
L-Ispettur Zammit qal lill-Qorti li ordni ta’ protezzjoni maħruġa qabel kienet diġà fis-seħħ iżda minkejja dan, jumejn qabel l-inċident, il-mara kienet marret għand il-Pulizija biex tirrapporta li rċeviet theddid u telefonati bla waqfien mingħand l-imputat.
Il-Pulizija ma kinux kapaċi jillokalizzaw u jagħmlu mistoqsijiet lir-raġel qabel l-allegat inċident. Sussegwentement ġie arrestat fid-dar tiegħu nhar it-Tnejn. Fi tweġiba għal mistoqsija tal-avukat difensur Ishmael Psaila, l-Ispettur ikkonferma li l-mara kienet xehdet it-Tlieta filgħodu fi proċeduri separati.
Psaila sostna li l-ordni ta’ protezzjoni kienet inkisret ukoll mill-mara, iżda l-Ispettur wieġeb li l-imputat biss kien marbut bl-ordni ta’ protezzjoni li kienet inħarġet kontrih. L-Ispettur Zammit ikkonferma li l-koppja kienet ilha tikkomunika sal-ġimgħa li għaddiet, u qal li dan kien fir-rigward tat-tifel.
L-avukat issuġġerixxa li l-mara kienet għadha kif xehdet li marret id-dar tar-raġel u raqdet miegħu. “Li naf hu li kultant jiltaqgħu minħabba binhom,” wieġeb l-Ispettur, u żied li waqt l-investigazzjoni tiegħu ma kienx ħareġ li kienu raqdu flimkien.
Dak li l-mara kienet qalet taħt ġurament fi proċeduri oħra kienet ir-responsabbiltà tagħha, huwa qal. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, billi bbażat l-oġġezzjoni primarjament fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-akkużat.
L-Ispettur Zammit qal lill-Qorti li r-raġel kellu rekord kriminali voluminuż, kif ukoll kundanni passati relatati mal-istess kwistjonijiet. Kien ukoll diffiċli għall-Pulizija biex jintraċċawh. Il-vittma għad trid tixhed f’dawn il-proċeduri, żied l-Ispettur. “Ilu jagħmel dan għal żmien twil. Huwa għaddej minn proċeduri quddiem Qrati differenti u ngħata opportunitajiet biex jtejjeb ħajtu, iżda jkompli qisu ma ġara xejn.”
L-Avukat Psaila argumenta li kien semma l-proċeduri l-oħra peress li ż-żewġ każijiet kienu “identiċi.” “Qed nitkellmu fuq l-istess żewġ persuni li sentejn ilu kellhom tarbija flimkien. Sadattant, jekk kien hemm ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni, mhux għax mar warajha.
Din il-mara kultant tiddeċiedi li tirritorna f’ħajjtu u meta ma jaqbilhiex, tmur tiġri fit-taqsima tal-Vjolenza Domestika.” “Din il-mara, wara li tagħmel u tispiċċa tibki biki dmugħ tal-kukkudrill, marret tfitxu dakinhar stess li ħareġ il-ħabs,” qal l-avukat.
“Hu ma marx iħabbat il-bieb tagħha meta ħareġ mill-ħabs, hi marret tfittxu u dan kollu jinqabad fuq CCTV pubbliku. Din il-persuna, li suppost tibża’ mill-imputat, ma marritx il-Qorti, l-Appogg jew użat ir-rimedji l-oħra li kellha għad-dispożizzjoni tagħha biex issolvi l-kwistjoni tal-kustodja, imma marret id-dar tiegħu, baqgħet hemm u raqdet hemm.”
L-Avukat Psaila wera tħassib li l-mara terġa’ tipprova tikkuntattja lill-imputat. “L-ordni ta’ trażżin torbot, iżda jeħtieġ tnejn jifhmu. Mhux qed ngħid li se jħalli l-awla u jikkuntattjaha.” Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fuq il-libertà proviżorja qalet li tħoss li t-talba għall-ħelsien mill-arrest għandha tiġi miċħuda f’dan l-istadju, primarjament minħabba l-fatt li l-allegata vittma għadha trid tixhed f’dawn il-proċeduri, iżda wkoll minħabba li l-akkużat huwa reċidiv.
Inħarġet ordni ta’ protezzjoni oħra favur il-mara. Id-difiża hawnn ukoll ċaħdet li r-raġel kellu problema tad-droga iżda ma oġġezzjonatx li r-raġel jitqiegħed taħt ordni ta’ kura. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni għall-ordni ta’ trattament.
Il-Maġistrat wissa lir-raġel li jiffaċċja konsegwenzi legali serji, fosthom multa sa €7,000, jekk ikun irreġistrat fi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga iżda jonqos milli jikkollabora mal-kura li qed tiġi offruta hemmhekk. L-Avukat Lara Dimitriyevich dehret bħala parti ċivili għall-mara.
//= $special ?>