Lokali Qorti

Pulizija jirrakkonta kif arresta Sqalli permezz ta’ ‘controlled delivery” li wasslet għal sejba ta’ 25 kg cannabis

Il-Kuntistabbli Andrè Grech mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga rrakkonta l-involviment tiegħu fl-arrest ta’ Davide Bonanno ġewwa Tas-Sliema permezz ta’ ‘controlled delivery” fejn nstab li fuq paletta li spiċċat f’garaxx fi Triq Matthew Pulis kien hemm mal-25 kilo cannabis. Qal li huwa kien miftiehem ma’ membri oħra tal-Korp tal-Pulizija biex x’ħin is-sitwazzjoni tkun tali jinfurmahon bil-kliem “kollox sew’ irredjaw’.

Grech kien qed jixhed fil-ġuri ta’ Davide Bonanno, Sqalli ta’ 45 sena, residenti Pembroke li qed ikun akkużat li fl-1 ta’ Ottubru tal-2018 u qabel importa u kellu fil-pusses tiegħu għal skop ta’ traffikar 25 kilo cannabis stmata li tiswa’ madwar €700,000.
Grech xehed quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja li qed jippresedi l-ġuri kif fuq il-karta tad-delivery kien hemm miktub l-isem ta’ ‘Giovanni Musumeci, Malta’.

Fil-ġuri li għandu jiġi deċiż minn ħames ġurati rġiel u erba’ nisal Grech qal li kien mar ma’ Anthony Schembri, sid il-kumpanija ta trasportazzjoni tal-merkanzija u li hu kien liebes flokk tal-kumpanija, biex jagħti x’jifhem li hu mhux Pulizija, imma li jaħdem mal-kumpanija li kienet qed twassal il-merkanzija u li fiha kien hemm id-droga.

Id-droga kienet destinata għal Tas Sliema u li fl-1 ta’ Ottubru huma kienu waslu ftit wara nofsinhar fuq il-post. Ix-xhud qal li Davide Bonanno kien liebes flokk aħmar u meta l-vann kien qed javviċina, l-akkużat beda miexi fid-direzzjoni tiegħu, bix-xhud isostni li mill-ewwel kien nnota illi Bonanno ma kienx komdu hekk kif beda jifli kontinwament dak li kien qed jiġri madwaru u jħares lura u ‘l quddiem.

Grech qal li waqt li kienu sejrin tas-Sliema kien f’kuntatt ma’ membri oħra mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga u tenna li kienet inqalegħet problema li fl-istess kien waslu viċin fejn kien Bonanno inqata’ l-kuntatt li kellu mal-Iskwadra. X’ħin ressqu aktar viċin it-tieqa reġa’ stabilixxa kuntatt u f’dan il-punt avża kollega u qallu ‘xħin tisimgħuni u ngħid ‘kollox sew’ irredjaw.’

Huwa qal li Bonanno flimkien ma’ tnejn oħra għenu biex il-palletta bil-merkanzija jiddaħħal ġo garaxx, f’liema punt qamet il-kwistjoni tal-pagament fejn Bonanno beda jgħid li ma kellux flus biex iħallas. Il-Kuntistabbli staqsieh ‘int kollox sew?’ li din kienet ukoll il-frażi sabiex jibda r-rejd. Minn hemm saru l-arresti, b’Bonanno mmanettjat u mgħarraf bid-drittijiet tiegħu.

Ix-xhud qal li hu sa dak il-ħin ħaseb li kien qed jitkellem ma’ Giovanni Musumeci, dan għaliex ukoll għax meta Davide Bonanno avviċina lil Schembri u lilu, hu kien staqsieh huwiex fl-indirizz it-tajjeb u jekk huwiex Musumeci u dan wieġeb fl-affermattiv.

Aktar qabel xehed ukoll Anthony Schembri, sid il-kumpanija Agritrans li ġabret u kienet se tqassam il-merkanzija illi fha kien hemm id-droga, maħsuba ikel. Għall-mistoqsijiet tal-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Schembri spjega li x-xogħol inġabar nhar l-1 ta’ Ottubru 2018.

Kienet merkanzija ġejja minn Catania u li kien destinat għal Giovanni Musumeci, f’Tas Sliema. Il-merkanzija kienet deskritta bħala ‘prodotti tal-ikel.’ Ix-xhud qal li ma jiftakarx x’kien jismu ix-xufier li kien se jqassam ix-xogħol u li kien qed isuq il-vann li fih kien hemm id-droga.

Schembri qal li l-Kumpanija Crown kienet informatu li kellu jirċievi paletta bix0xogħol għal Malta. Crown kienet klijent regorlari tal-kumpanija ta’ Schembri, kemm qabel u anke wara din is-sejba. Wara f’jum it-Tnejn filgħodu bdew iqassmu ix-xogħol, sakemm l-Iskwadra ta’ kontra d-Droga tal-Pulizija ta’ Malta waqqfu l-vettura fl-inħawi ta’ Monte Kristo.

Id-droga instabet mbagħad fil-friġġ, flimkien ma’ merkanzija li jkun hemm bżonn li tinżamm kiesħa. Magħhom kien hemm ‘sniffer dog” tal-Pulizija li beda jinbah għax xamm id-droga. Għall-mistosijiet tal-Avukat Difensur Simon Micallef Stafrace, Schembri ikkonferma li kien il-kelb tal-Pulizija li nduna li kien hemm id-droga mal-merkanzija.

Il-Pulizija f’dan il-mument fetaħ il-kaxxa, daħħal idejh u qal: ‘Ghandna t-trouble. Hawn qegħda!’ Il-paletta, huwa qal, kienet issiġillata kollha u mdawwra b’pakkeġġjar iswed. Wara s-sejba l-Pulizija marru fuqu u hu mar, flimkien mal-Kuntistabbli tal-Pulizija liebes flokk tal-kumpanija, lejn Tas Sliema fejn kien destinata il-merkanzija.

X’ħin wasal kien hemm raġel, kompla jgħid, liebes flokk aħmar b’daqna li malli x-xhud ċempillu, dan qabad il-mowbajl u beda jxejjirlu. Il-Prosekuzzjoni staqsiet mighand min hu beda jirċievi telefonati, fil-mument tal-ispezzjoni. Schembri qal li wiehed minnhom kien ta’ dak li jifhem illi kien Musumeci u ieħor kien ta’ xi ħadd li avża lil Schembri illi propju kien se jċempillu Musumeci biex jgħidlu fejn irid imur bil-merkanzija.

Huwa qal li għadu sal-lum li ma tħallasx ta’ dan ix-xogħol partikolari, u li lanqas biss kien hemm numru tal-VAT marbut ma’ min kien ordna l-merkanzija. Għal Bonanno qed jidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace fiwaqt li l-Avukati Kevin Valletta u Andrea Zammit qed imexxu l-Prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.