“Meta ġejt arrestat ħassejt xokk enormi…dak il-ħin bdejt naħseb li ħajti spiċċat.”
Dan sostnih Giorgio Grigolo waqt intervista ma’ Net News hekk kif kważi ġimgħa ilu ġie żvelat li erba’ studenti spiċċaw arrestati wara li sabu li Freehour kellhom sigurtà dgħajfa fl-app tagħhom. Iż-żgħażagħ kienu ttieħdu d-depot, u kienu saħansitra għamlulhom ukoll strip search.
Griogolo qal li din is-sitwazzjoni ħalliet impatt fuqu, speċjalment fuq l-istudji tieghu. Huwa qal li meta l-Pulizija kkonfiskawlu l-apparat kellu joħroġ il-flus minn butu sabiex jixtri kompjuter ieħor ħalli jkun jista’ jkompli bix-xoghol tal-Universita.
Iz-zaghzugh qalilna li minn wara l-arrest ma semgħu xejn minn naħa tal-awtoritajiet fejn sostna li dan mhux żmien sabiħ għalihom.
Minn naħa tiegħu Luke Scerri qal li din is-sigurtà dgħajfa li sabu kienet trivjali tant li wieħed li ma tantx hu midħla f’dan is-suġġett faċli seta jsib li kien hemm sigurta’ dghajfa.
Barra minn hekk, huwa saħaq fuq l-importanza li jkun hawn aktar għarfien f’pajjizna dwar is-cyber security.
Ftit tal-jiem ilu Michael Debono ppubblika l-email li bagħtu lil FreeHour meta qalulhom dwar is-sigurta dgħajfa. Kuntrarju għal rappurtaġġ fejn intqal li huma talbu l-flus …insistew li huma fl-ebda ħin ma talbu l-flus.
Luke Collins qal li huma grupp li qed jippruvaw iqajmu aktar interess kif ukoll jagħtu aktar għarfien dwar cyber security.
Barra minn hekk, huwa qal li fl-email huma offrew sabiex jikkollaboraw filwaqt li jorganizzaw workshops sabiex jiddiskutu is-sigurta fuq l-internet. U kien għalhekk illi f’dan il-każ, offrew għajnuna.
//= $special ?>