Internazzjonali

Franza: Reazzjoni negattiva għal Macron wara li spiċċa jkanta fit-toroq ta’ Pariġi

Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron spiċċa f’sitwazzjoni embarazzanti wara li waqaf ikanta kanzunetta f’Pariġi fejn kien qed jagħmel passiġġata ma’ martu. Dan seħħ meta Macron kien avviċinat mill-membri żgħażagħ ta’ kor li kienu qed ikantaw il-kanzunetti tradizzjonali u  li talbuh jissieħeb magħhom fl-interpretazzjoni ta’ kanzunetta antika ( ‘Le Refuge’).

Il-President spiċċa jkanta magħhom u dritt wara beda jiċċirkola filmat tiegħu fuq il-grupp li elementi estremisti tal-lemin kienu tellgħu fuq Facebook.

Jidher li l-kor inkwistjoni li qed iġedded il-memorji tal-kanzunetti antiki  twaqqaf u qed jitmexxa minn attivisti radikali – bil-filmat ma jinżilx daqstant tajjeb fost il-Franċiżi li huma mgħaddbin għall-President talli għadda r-riformi li jżidu l-età tal-pensjoni minn 62 għal 64 sena.

Għalkemm Macron inqabad f’sitwazzjoni ‘innoċenti’, hu xorta spiċċa redikolat minn ħafna Franċiżi speċjalment wara li hu, ftit ilu, tkellem fuq it-Televiżjoni fejn spjega li ma nstab l-ebda konsensus dwar il-kwistjoni tal-pensjonijiet.

Il-fatt li Macron tilef daqstant popolarità hu dovut għar-riformi li jrid idaħħal ‘kontra x-xewqa tal-poplu’ u l-filmat li jurih qed ikanta fit-triq qanqal ħafna reazzjonijiet – bi ftit li xejn ikunu favorevoli għall-President.

U waqt li Macron qed jipprova jtejjeb ir-reputazzjoni tiegħu f’għajnejn il-Franċiżi, il-media soċjali għenet toħloq l-istorja li ‘il-President inqabad waqt li kien qed jagħti appoġġ morali lill-estremisti tal-lemin’. Versjoni oħra li qed imexxu n-nies hi li ‘il-President hu aktar ħsiebu f’li jkanta fit-toroq waqt li l-pajjiż jinsab fi kriżi kbira dwar il-pensjonijiet’.