Lokali

“Għandna sitwazzjoni fejn ta’ ġewwa qed jitħanżru u l-poplu qed jesperjenza tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja” – PN

“F’pajjiżna għandna sitwazzjoni fejn ta’ ġewwa qed jitħanżru filwaqt li l-poplu qed ikompli jesperjenza tnaqqir fil-kwalita’ tal-ħajja.”

Dan kien il-messaġġ li wasslu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Chris Said flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa waranofsinhar fid-Dar Ċentrali fejn saħqu li t-tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja jiddpendi minn diversi fatturi fosthom iż-żieda fil-kirjiet, it-traffiku li ta’ kuljum qed jiżdied kif ukoll in-nuqqas ta’ spazju f’pajjiżna.

Chris Said qal li diversi studji qed juru li n-nies huma mdejqin bil-kwalità tal-ħajja li dejjem qiegħda tonqos.

Huwa saħaq li l-politika ta’ Gvern Laburista wasslet għan-nuqqas fil-kwalità tal-ħajja. Dan apparti l-problema tad-densita’ kbira fil-popolazzjoni.

Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Albert Buttigieg saħaq li aktar studji jikkonfermaw li n-nies qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja hekk kif qed jibqgħu lura minn affarijiet ta’ divertiment. Huwa qal ukoll li diversi persuni li għandhom impjieg full-time qed iħossu l-ħtieġa li jaħdmu part-time.

Hawnhekk, Albert Buttigieg qal li din ir-realta tqajjem il-mistoqsija jekk hux qed isibu impjieg ieħor minħabba l-fatt li n-nies mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. U għalhekk huwa saħaq li Malta u l-Maltin jistħoqqilhom aħjar.