Il-Prim Ministru Robert Abela mhux jagħti prijorità lis-settur tas-saħħa.. u l-vot qawwi mill-infermieri u l-qwiebel kontra l-ftehim settorjali kif proposti mill-Gvern huwa turija ċara ta’ dan kollu…. B’din il-professjoni tkun l-inqas waħda imħallsa mill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan is-settur.
Dikjarazzjoni ċara mill-President tal-MUMN Paul Pace meta l-Erbgħa filgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet.. ftit sigħat biss wara li l-infermieri u l-qwiebel iddikjaraw li ma jaqblux mal-proposti li tahom il-Gvern.
Il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja għall-infermieri u l-qwiebel issejħet mill-MUMN sabiex il-membri stess jagħżlu jekk il-Ftehim Settorjali mgħoti mill-Gvern, hux aċċettabbli jew le. Għal din il-laqgħa attendew total ta’ 804 membri li minnhom 785 ivvutaw kontra filwaqt li 8 ivvutaw favur. Kien hemm ukoll 11-il membru li astjenew. Dan ifisser li 97.6% tal-infermieri u l-qwiebel ivvutaw kontra l-proposti tal-Gvern
Paul Pace qal li huwa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu li jkun hemm iktar investiment f’dawn il-ħaddiema jekk verament irridu li jkollna servizz tas-saħħa sostenibbli. Huwa tefa’ dawl fuq il-problema ta’ lingwa li teżisti fejn bosta nurses barranin ma jitkellmux bil-Malti.
L-MUMN qalet li l-allowance li propona l-Gvern f’dan il-ftehim settorjali se jlaħħaq biss għal madwar 2000 ewro… b’dan jiżdied jekk l-infermieri jaħdmu total ta’ madwar 60 siegħa fil-ġimgħa. Fi ftit kliem… dawn se jingħataw allowance għax se jkunu ħadmu itkar sigħat meta suppost dawn jitħallsu bir-rata ta’ overtime. Apparti dan, ma kien hemm kważi ebda inċentiv sabiex iż-żgħażagħ jidħlu għal din il-professjoni jew saħansitra jibqgħu fiha.
Paul Pace jistqarr li huwa ta’ dispjaċir kbir għalihom li min-naħa tal-Gvern mhemmx apprezzament għax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu dawn il-ħaddiema.
Huwa fakkar kif bażikament l-Isptar jitmexxa mill-infermieri fejn huma jieħdu ħseib il-wards saħansitra anke matul il-lejl. Iżda din ir-responsabbilta ma kinitx riflessa f’dan il-ftehim. Saħaq li n-nurses kienu mwiegħda l-covid allowance iżda f’dan il-ftehim ma ssemma xejn. Paul Pace qal li filwaqt li ħaddiema oħra, meta jieħdu promotion javvanzaw, iżda n-nurses jagħmlu tliet snin iżommu l-paga tagħhom… Każ ieħor ta diskriminazzjoni.
Wara l-vot ċar li ttieħed, l-MUMN bgħatet ittra lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sabiex jerġgħu jidħlu f’negozjati u jkun konkluż ftehim settorjali ġdid li jirrifletti verament is-sitwazzjoni attwali tal-infermieri u l-qwiebel.
//= $special ?>