Lokali Qorti

“Ħadt xokk meta skoprejt li l-kaxxi kien fihom id-droga” L-akkużat fuq 25kg cannabis

“Ma kelli l-ebda idea li l-kaxxi kien fihom id-droga u meta skoprejt dan kollu ħadt xokk. Mhux minnu li jien kont naf b’dan kollu għax jien kont naħseb li fil-kaxxi kien hemm xi oġġetti relatata mal-elettriku.” Dan xehdu Davide Bonanno ta’ 45 sena, li huwa Sqalli li qed jgħix Malta li għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja akkużat li fl-1 ta’ Ottubru tal-2018 importa 25 kilo cannabis bi skop għat-traffikar, liema droga fit-triq kellha valur ta’ 700,000 ewro.

Wara li t-Tlieta kienet esebita d-droga maqbuda f’diversi kaxxi, l-Erbgħa, Davide Bonanno iddeċieda li jixhed u minkejja li kien ippressat mill-Prosekuzzjoni għal diversi drabi ċaħad li kien jaf x’fihom il-kaxxi li nstabu f’vann f’Tas-Sliema u li spiċċaw f’garaxx ġewwa tas-Sliema stess.

Huwa qal li meta l-Pulizija bdew joħorġu d-droga mill-kaxxi ma bediex jemmen x’kien qed jara. Ċaħad ukoll diversi drabi li hu ffirma karta li kienet fil-but u li ġiet murija lilu fl-awla. Tenna li din ma kinitx tiegħu, u qal li verament huwa ffirma karta, imma mhux dik li kienet qed tintwera lilu, li skont hu l-firma ma kinitx tiegħu.

Fl-awla numru 22 li kienet iffullata, l-Prosekuzzjoni staqsiet lil Bonanno kienx jaf b’din il-kunsinna, kienx jaf il-kontenut u jekk fthiemx ma’ xi ħadd biex idaħħal id-droga f’Malta. U għal dawn il-mistoqsijiet kollha, ir-risposta dejjem kienet konsistenti, dik ta’ ‘Le’. Bonanno beda ix-xhieda, għall-mistoqsijiet tad-difiża mmexxija mill-Avukat tiegħu Simon Micallef Stafrace, billi qal illi ilu Malta sebgħa snin fejn ġie għax kellu ħabib.

Spjega li dak il-ħin tal-qabda tad-droga ma kienx xogħol u li kien wassal lil ċerta Ettore, Taljan bħalu, li kien jafu u li kien jgħix Malta u waqt li kienu qed jitkellmu, dan staqsih jekk jistax imur miegħu fil-post fejn saret il-qabda. Huwa mar miegħu u x’ħin wasal qallu li malli tara l-persuni li kien qed jistenna jgħajjatlu. Qal li dan Ettore qallu li se jmur iġib ftit kafè.

Saħaq li nofs siegħa wara li wasal fuq il-post wasal vann li assuma illi kien il-vann li kien qed jistenna, bi tnejn minn nies bl-uniformi, )skont ix-xhiea tat-Tlieta dawn kienu Anthony Schembri mill-kumpanija ta’ trasportazzjoni u Kunstistabbli mill-iskwarda kontra d-Droga.

Staqsihom hux huma li kien qed jistenna u malli inħarġet il-merkanzija u qallulu dwar il-ħlas, Bonanno qalilhom li mhux hu responsabbli iżda wara iffirma karta, mhux dik murija lilu. Dak il-ħin sar ir-rejd u qal li għamlulu pistola ma rasu, ‘weġġgħuni, żlugwali spallejja, tant li ħaduni l-isptar’ qal l-akkużat. ‘Qajmuni, ħaduli l-mobike u poġġeewni fuq in-naħa l-oħra tat-triq,’ kompla jixhed.

Kompla jgħid li wara ħaduh fil-garaxx fejn kien hemm numri ta’ kaxxi u fejn kien hemm tnejn minn nies bilqieghda. Huwa qal lill-Pulizija li jista’ jiftaħ il-kaxxi għax hu ma għandu problemi ta’ xejn. Tenna li fil-ħin li bdew joħorġu l-materjal mill-kaxxa beda jinwkieta xi ftit.

Għall-Mistoqsijet tal-Avukat Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġeneral qal li lill-Avukat kien qallu dak kollu li xehed fl-awla u meta mistoqsi kif kien ikampa finanzjarjament l-akkużat qal illi hu kien ‘pizzaiolo’ u li kien beda jaħdem f’ dan l-impjieg sa minn meta wasal Malta.

Il-Prosekuzzjoni uriet karta li instabet għand Bonanno u li fuqha kien hemm firma. Hu baqa’ jiċħad li l-firma kienet tiegħu, minkejja żewġ xhieda mill-Korp tal-Pulizija li qalu illi dik il-firma kienet ta’ Bonanno u li l-karta ta’ lewn roża kienet instabet fuqu. Mistoqsi min huwa Giovanni Musumeci, li f’ismu kienet il-merkanzija,

Bl-akkużat residenti Pembroke wieġeb fin-negattiv. Mistoqsi semmiex lil Ettore meta kien arrestat huwa wieġeb fin-negattiv u qal li dan ma għamlux proprju għax kien konfuż. Uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit u l-Iskwadra tad-Droga kienu mar fil-garaxx mgħejjuna minn kelb li skopra d-droga.

Dawn kienu nstabu f’kaxxi f’pakketti tat-tissues. Din id-droga kienet waslet f’kontejner minn Sqallija. Davide Bonanno kien ġie arrestat flimkien ma’ żewġ irġiel Taljani oħra f’rejd tal-Pulizija f’garaxx fi Triq Matthew Pulis. L-akkuża tal-Avukat Ġenerali tgħid li Bonanno kien jgħix u jaħdem Malta fejn intebaħ li d-droga ġġib prezz tajjeb ħafna f’Malta u għalhekk iddeċieda li jibda negozju llegali li jħalli ferm aktar qliegħ mill-impieġ leġittimu tiegħu.

Ġara li żewġ irġiel oħra Taljani b’mod involontarju fejn ma kienux jafu ta’ merkanizija b’kontenut illeċtu, li kellha tiddaħħal f’Malta. Din il-merkanzija kienet daħlet Malta permezz ta’ palletta li kienet bid-droga u li kienet spiċċat tas-Sliema. Dan wara li kien ddaħħlu terzi persuni fl-istorja bid-droga tiġi trasportata mis-Siġġiewi qabel waslet f’garaxx ġewwa Tas-Sliema u kienet indirizzata f’isem Taljan ieħor.

Id-droga kienet indikata bħala “Merce Alimentati” oġġetti tal-ikel u waslet minn Sqallija. L-akkuża tgħid li kien Bonanno li mar jistenna din il-merkanzija u kien hu stess li ffirma għaliha mal-wasla tagħha. Il-Pulizija Maltija kellha nformazzjoni li fi trailor, propjetà ta’ kumpanija bbażata fis-Siġġiewi, kien hemm id-droga.

Wara li l-Pulizija tkellmet ma’ sid it-trailor u skopriet għal fejn kienet sejra l-palletta bid-droga, saret “controlled delivery”. Il-kumpanija nformat lill-akkużat li kienet se ssir il-konsenja u hawn rikeb kuntistabbli tal-Pulizija ġewwa vann li kien sejjer bil-palletta. Kif waslu fuq il-post kien hemm persuna liebsa flokk aħmar, l-akkużat, li deher iwaqqaf il-vann u kkonferma li dan kien sid il-merkanzija. Kien f’dan il-ħin li sar ir-rejd u nstabet id-droga.

L-Ispetturi tal- Jonathan Cassar u Mark Anthony Mercieca kienu mexxew l-investigazzjonijiet. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Andrea Zammit u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jiddeffendi lil Bonano bħala avukat tal-għajuna legali.