Lokali Parlament

Il-gvern jipprova jieħu vantaġġ mill-azzjoni tal-Oppożizzjoni fil-parlament

Il-gvern qed jipprova jieħu vantaġġ politiku mill-azzjoni tal-Oppożizzjoni meta ħarġet ‘l barra mill-parlament fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta wara li l-gvern m’aċċettax li jiddiskuti b’urġenza l-kriżi fl-Air Malta. Il-gvern qed jipprova jinterpreta din l-azzjoni tal-Oppożizzjoni bħala waħda li fiha ma riditx tiddiskuti l-Abbozz dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza Domestika, meta dan mhux minnu.

Dan sostnieh il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar fil-parlament meta qal li fil-mument li fis-seduta tat-Tlieta li għadda, l-Oppożizzjoni ħasset li kellha tressaq il-mozzjoni dwar l-Air Malta u aktar tard ħarġet barra mill-parlament wara li l-gvern ma riedx jiddibatti din is-sitwazzjoni.

Hu sostna li deputati tal-Gvern ħassew li kellhom jgħidu li l-Oppożizzjoni ma kinitx qed turi interess f’dan l-abbozz dwar il-vjolenza domestika. Robert Cutajar kompla li l-gvern ipprova jirbaħ xi punti b’dan l-argument u spjega li l-fatti huma li ftit biss huma d-deputati Laburisti li f’dak il-mument kienu fil-parlament jidibattu l-vjolenza domestika. Il-gvern m’għandux jipprova jużaw din it-tattika biex jirbaħ xi punti, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-Oppożizzjoni kienet se tivvota favur dan l-abbozz għax dejjem tkellmet kontra l-vjolenza domestika.

Wara l-intervent ta’ Robert Cutajar, qam jagħmel il-winding up il-Ministru Byron Camilleri li reġa’ rrepeta l-attakki fuq l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Dan ġab oġġezzjoni mid-deputati Nazzjoalisti fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li qal li fil-fatt il-Ministru Byron Camilleri ma kien għadu tkellem xejn dwar il-vjolenza domestika u kien attakka biss lill-Oppożizzjoni.

Il-Ministru Byron Camilleri għadda kummenti fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni u sostna ‘kemm int politiku cheap’.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia oġġezzjona għal dan il-kumment tal-Ministru Camilleri u ordnalu jirtira dan il-kumment. Il-Ministru Camilleri irtira dan il-kumment.