It-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) għamlu talba formali lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa biex jieħu passi dwar allegazzjoni ta’ xhieda falza mogħtija quddiem il-Kumitat Parlamentari u quddiem il-Bord ta’ Inkjesta kompost mill-Imħallef Michael Mallia, mill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u mill-Imħallef Abigail Lofaro fl-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li xi ħadd minn Keith Schembri, Edward Scicluna u Silvio Valletta mhux qed jgħid il-verità, anke jekk ħalfu li jgħidu l-verità kollha, dwar fatti relatati mal-proġett tal-Gvern tal-Power Station tal-gass u r-relazzjoni ma’ Yorgen Fenech, wieħed mis-sidien tal-Electrogas u li hu akkużat bil-kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista.
Fl-ittra ppreżentata lill-Kummisarju tal-Pulizija Angelo Gafa, saret referenza għal dak li seħħ fil-laqgħa tal-bieraħ tal-Kumitat waqt ix-xhieda tal-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, li bil-ġurament għamel allegazzjoni li kemm l-eks Ministru tal-Finanzi, li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Prof Edward Scicluna, u l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta gidbu taħt ġurament waqt ix-xhieda tagħhom quddiem il-Bord ta’ Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-ittra, il-membri tal-Kumitat f’isem il-Partit Nazzjonalista għamlu referenza għax-xhieda ta’ Edward Scicluna, fis-6 ta’ Diċembru 2022, meta ta l-verżjoni differenti tiegħu.
Joħroġ ċar li mill-verżjonijiet li taw it-tliet persuni inkwistjoni taħt ġurament, kemm quddiem il-PAC kif ukoll quddiem il-Bord ta’ Inkjesta, hemm persuna jew persuni li tat jew taw xhieda falza taħt ġurament.
Għaldaqstant, il-Kummissarju tal-Pulizija ġie mitlub biex jieħu l-passi kollha opportuni fiċ-ċirkostanzi.